Knisja Lokali

40 sena mill-inawgurazzjoni mill-ġdid tal-faċċata tal-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Sliema

Il-faċċata tal-Każin fil-Festa li għada kif għaddiet

Fil-Festa tal-Madonna tas-Sacro Cuor f’ Tas-Sliema, il-faċċata tal-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Sliema għalqet 40 sena mill-inawgurazzjoni mill-ġdid tagħha wara l-inċident ikraħ li kien seħħ fil-Festa Lulju 1983.

Is-Sibt 2 ta’ Lulju 1983, lejliet il-Festa tal-Madonna tas-Sacro Cuor, b’aċċident żgħir, ħadet in-nar il-faċċata kollha tal-Każin, li dak iż-żmien kienet tintrama b’għadd kbir ta’ fjuri magħmula bil-karti tat-tajr, kif ukoll ġarrbet ħsarat strutturali.

Dan id-dispjaċir ma damx wisq, sakemm l-għada, nhar il-festa qabel ma ħarġet il-purċissjoni, is-Sur Ronnie Pisani kien fuq iz-zuntier bil-pjanta tal-faċċata l-ġdida. L-entużjażmu kien wieħed kbir, u malli għaddiet il-festa, inbeda x-xogħol.

Ix-xogħol kien jinvolvi ż-żarmar tal-gallarija tal-injam kif ukoll il-bażi tal-ġebel tagħha. Wara nbeda x-xogħol fuq is-saljaturi fejn saret forma tal-injam u dawn imtlew bil-konkos waħda wara l-oħra. Sar mill-ġdid il-konkos tal-bażi tal-gallarija fejn kellha tinqala parti mill-art tas-swali ta’ ġewwa. Imbgħad bdew jaslu l-ewwel partijiet tal-gallarija, maħduma minn Ronnie nnifsu fil-maħżen li kellu f’Tas-Sliema.

Sadanittant bdiet titqaxxar iż-żebgħa l-antika minn mall-faċċata. Saret ukoll iċ-ċinta tal-bejt u l-fontispizju kif ukoll il-gwarniċ tal-bieb prinċipali. Bħal fil-każ tal-gallarija, wara li kien lest ix-xogħol ta’ tqegħied kien ikun għad fadal ix-xogħol ta’ xkatlar u rfinar.

Ix-xogħol kollu fuq din il-faċċata sar b’mod volontarju minn grupp ta’ żgħażagħ li kienu jiffurmaw il-Fergħa Żgħażagħ Banda Sliema ta’ dak iż-żmien taħt it-tmexxija ta’ Ronnie Pisani li ħadem u poġġa x-xogħol tal-ġebel kollu.

Kien nhar is-Sibt 23 ta’ Ġunju 1984 meta fost il-ferħ tal-partitarji u dawk kollha li ħadmu sabiex jaraw din il-ħolma ssir realta’, ġiet inawgurata l-faċċata l-ġdida tal-każin tagħna.

F’Diċembru tas-sena 2022 reġa sar xogħol kbir ta’ manutenzjoni fuq il-faċċata tal-Każin tagħna peress li biż-żmien kellha xi ħsarat minn elementi naturali. Dan ix-xogħol kien lest biex jikkumplements maċ-ċelebrazzjonijiet tal-100 sena li saru s-sena l-oħra.

Fil-Festa ta’ din is-sena il-Faċċata tal-Każin b’hekk għalqet 40 sena.

Il-faċċata tal-Każin fis-sena 1983 qabel ma nħarqet