Gvern li, filwaqt li sparpalja flus il-poplu fil-korruzzjoni, ma għandux flus biżżejjed biex jagħti l-aqwa servizz fil-Faċilita’ ta’ San Vincenz de Paule anke f’mumenti difficli għal qraba li jkunu għadhom kif tilfu lill-għeżież tagħhom. Sfortunament, qed jiġri li meta anzjani jmutu dawn qed jitħallew għal diversi sigħat fis-sala sakemm jittieħdu fil-kamra mortwarja tal-istess faċilità.
Familjari ilmentaw magħna li dan huwa nuqqas ta’ rispett kemm għall-anzjani nfushom li jkunu mietu, għall-familjari tagħhom kif ukoll għall-anzjani l-oħrajn fl-istess sala li jkollhom jibqgħu ħdejn il-kadavri għal żmien twil, aktar u aktar f’dan it-temp tant sħun. Persuna li għadha kif tilfet lin-nannu tagħha wriet id-dieqa tagħha fuq il-midja socjali fejn ilmentat li għalkemm in-nannu tagħha miet fil-2.35pm, ħaduh fil-kamra mortwarja wara t-8 ta’ filgħaxija.
Jidher ukoll li fir-residenza ta’ San Vincenz, il-Covid mifrux sew. Din l-istess persuna kitbet li n-nannu tagħha ħa l-Covid minn hemm stess. Minkejja li f’mistoqsija parlamentari li saret mid-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici, il-Ministru Jo Etienne Abela qal ftit jiem ilu li fir-Residenza ta’ San Vincenz de Paule kien hemm biss 27 anzjan bil-Covid, jidher li l-Ministru jew ma jafx il-fatti kollha jew qed iqarraq għaliex jirriżultana li f’San Vincenz il-Covid mifrux kullimkien.
Ftit ġimgħat ilu konna rraportajna wkoll li l-lift li kien jintuża biex l-anzjani bil-Covid jittieħdu f’sala apposta ma kienx qed jaħdem u l-istess anzjani bil-Covid kienu qed jitħallew jgħaddu minn swali oħra u minn fost anzjani li ma kellhomx Covid.
//= $special ?>