In-nuqqas ta’ Chris Fearne u Edward Scicluna li joġġezzjonaw għal deċiżjonijiet tal-kabinett dwar ftehim kontroversjali tal-isptarijiet, kienet waħda mir-raġunijiet ewlenin li l-Qorti ddeċidiet li għandhom jgħaddu ġuri.
Għaldaqstant, b’dak li ddeċieda l-Maġistrat Leonard Caruana l-każ kriminali se jkompli wkoll kontra diversi perssuni oħra fosthom avukati, impjegati taċ-ċivil, u kumpanija marbuta mal-ftehim, li probabbilment qalet il-Qorti dan kollu seta’ seħħ biss bl-appoġġ ta’ “għanqbuta” ta’ individwi.
Wara l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella dwar id-deal frawdolenti ta’ Vitals, u l-baraxx ta’ kritika li din sofriet mill-Prim Ministru Robert Abela, deputati u uffiċjali min-naħa tal-Partit Laburista, kienet konfermata li hemm każ mill-Maġistrat Rachel Montebello fil-konfront tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Ministru Konrad Mizzi u l-Eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri u oħrajn fejn dawn iridu wkoll jgħaddu ġuri.
L-istess iddeċieda l-Maġistrat Caruana fil-konfront tat-tieni grupp ta’ akkużati li jinkludu lil Fearne u Scicluna. Fil-motivazzjoni tiegħu biex wasal għad-deċiżjoni, il-Maġistrat Caruana qal li l-Eks Ministri tas-Saħħa u l-Finanzi ffurmaw parti mill-kabinett ta’ Joseph Muscat li approva l-ftehim biex fl-2016 jgħaddu l-isptarijiet San Luqa, Għawdex Ġenerali u Karin Grech lil Vitals Global Healthcare (VGH).
Tenna wkoll li ż-żewġ ministri baqgħu membri tal-kabinett meta ttieħdu diversi deċiżjonijiet dwar il-konċessjoni matul is-snin, osservat il-Qorti. Dawk id-deċiżjonijiet kienu maħsuba biex jindirizzaw nuqqasijiet allegatament serji mill-VGH u aktar tard meta Steward Healthcare li ħa f’idejh il-konċessjoni.
“Madankollu jidher li għalkemm ġew infurmati dwar dawn l-allegati nuqqasijiet… huma vvutaw favur diversi memoranda mressqa lill-kabinett,” jgħid ukoll id-digriet. U dawn iż-żewġ ministri, flimkien mas-Segretarji Permanenti tagħhom, komplew jawtorizzaw ħlasijiet lill-konċessjonarji minkejja d-diversi diffikultajiet li jidher li kienu jafu bihom.
Il-Qorti qalet li d-difiża argumentat li Scicluna ried jimblokka ħlas lil Steward. Iżda r-rapport tal-inkjesta juri li dan sar “purament” biex seta’ jiġi ffirmat memorandum ma’ Steward. Dwar Fearne, ingħad li huwa kien staqsa fl-2018 jekk jistax itemm il-konċessjoni, u aktar tard fl-2021 kien staqsa jekk jistax iwaqqaf il-ħlasijiet lill-konċessjonarju.
Il-Qorti ħadet nota ta’ dawnn il-provi u osservat li Fearne ma deherx li vvota kontra jew oġġezzjona għal diversi talbiet imressqa fil-kabinett mit-28 ta’ April 2016 ‘il quddiem. Il-Maġistrat iddeċieda wkoll li 12-il individwu ieħor, inklużi avukati, impjegati taċ-ċivil u nies li servew fil-kumitat ta’ aġġudikazzjoni li ta l-ftehim qligħ biex imexxu tliet sptarijiet statali lil Vitals Global Healthcare.
Żewġ Eks Segretarji Permanenti, Alfred Camilleri u Joseph Rapa u Ronald Mizzi, membri tal-kumitat ta’ aġġudikazzjoni James Camenzuli, Manuel Castagna u Robert Borg, kontrollur finanzjarju Kenneth Deguara u ħames avukati: Kevin Deguara, Jean Carl Farrugia, Aron Mifsud Bonnici, Deborah Anne Chappell u Bradley Gatt, ukoll iridu jgħaddu ġuri.
Il-qQrti sabet ukoll biżżejjed evidenza biex il-każ ikompli kontra d-ditta legali DF Advocates. L-imputati kollha fid-diversi rwoli tagħhom jidhru li kkontribwew b’xi mod jew ieħor biex il-fondi jitħallsu lill-konsorzju tal-isptarijiet, osserva l-Maġistrat.
Il-Qorti kkonkludiet li l-akkużati kollha kellhom każ xi jwieġbu u b’hekk iddikjarat li kien hemm biżżejjed provi ‘mal-ewwel daqqa t’għajn’ biex kulħadd jiffaċċja ġuri. Il-Maġistrat Caruana spjega il-każ tal-prosekuzzjoni li l-isfond ta’ dawn l-akkużi kriminali kien relatat ma’ sensiela ta’ reati allegatament imwettqa minn diversi individwi u kumpaniji involuti fl-għoti u l-amministrazzjoni tal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Parti mill-fondi mħallsa mill-gvern għat-tmexxija tat-tliet sptarijiet statali u servizzi mediċi ġodda, allegatament intużaw għal “għanijiet differenti ħafna,” issostni l-prosekuzzjoni. Wara l-iffirmar tal-Memorandum of Understanding (MOU) f’Ottubru 2014, tmexxew eżerċizzji ta’ due diligence mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Malta Enterprise u aktar tard ukoll mid-ditta legali DF Advocates, li kollha ffirmaw “diffikultajiet kbar” fil-proċess.
L-inkjesta maġisterjali u s-sentenzi tal-Qrati Ċivili, li annullaw il-ftehim frawdolenti, wera fuq bażi prima facie li biex l-investituri u l-benefiċċjarji finali jgawdu l-qligħ illeċitu tagħhom, “probabbilment kellhom bżonn l-appoġġ u l-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ individwi u professjonisti mis-setturi u l-livelli kollha.”
Huma kellhom bżonn din l-għajnuna biex jippjanaw u jdaħħlu fis-seħħ dik “li dehret li kienet web mifruxa fuq livelli differenti.” Il-Maġistrat osserva li l-ftehim bejn il-gvern u l-investituri prospettivi x’aktarx inħema f’nofs l-2014, jiġifieri kważi sena qabel ma nħarġet it-talba għall-proposti.
Il-ftehim intlaħaq anki qabel mal-gvern kien ġie avżat dwar il-forma legali li biha kellha titfassal il-konċessjoni. L-avukati Kevin Deguara, Jean Carl Farrugia, Deborah Anne Chappell u Bradley Gatt jidhru li taw servizzi legali lill-investituri fi stadju bikri u anke għenu biex jifformulaw ftehimiet u pariri legali.
L-avukati ta’ DF Advocate jidhru li kellhom rwol ċentrali biex isolvu kwistjonijiet legali li ħarġu wara l-iffirmar tal-MOU tal-2014. U l-involviment tagħhom kompla għal ftit xhur wara li l-konċessjoni ttieħdet minn Steward.
L-Avukat Aron Mifsud Bonnici wkoll deher li kellu rwol ċentrali fi stadju bikri, li għamel diversi kuntatti ma’ DF Adovocates kif ukoll ma’ Ganado Advocates.
Kien ukoll segretarju fuq il-bord u l-kumitat ta’ evalwazzjoni ta’ Projects Malta, minbarra li kien membru tal-kumitat ta’ tmexxija u tal-kumitat tan-negozjati. Alfred Camilleri kien direttur fuq Projects Malta Board meta nħarġet l-RFP u żamm dik il-pożizzjoni matul il-proċess kollu tal-għażla.
Ronald Mizzi kien il-persuna li kienet qed tieħu ħsieb dawn l-entitajiet governattivi kollha, li ħatar il-membri tad-diversi kumitati. Bħala t-tieni fil-kmand tal-Ministru Konrad Mizzi, is-Segretarju Permanenti kellu rwol ċentrali fit-tmexxija tal-proċess kollu relatat mal-proġett tal-isptarijiet, issostni l-prosekuzzjoni.
Meta qieset dan kollu, il-Qorti kkonkludiet li l-imputati kollha kellhom każ xi jiwieġbu u b’hekk iddikjarat li kien hemm biżżejjed evidenza prima facie biex kulħadd jgħaddi ġuri fuq dawn l-akkużi.
//= $special ?>