Internazzjonali

Gaza: Jirkupraw il-katavri ta’ erba’ suldati u għalliema li spiċċaw vittmi tal-Ħamas

Il-militar ta’ Iżrael qal li rkupra l-katavri ta’ ħames persuni – ilkoll Iżraeljani —  li kienu ttieħdu lejn Gaza wara li t-terroristi tal-Ħamas, f’Ottubru, wettqu l-attakki storiċi fuq il-komunitajiet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Erba’ mill-ħamsa huma ta’ suldati u bil-katavru l-ieħor ikun ta’ għalliema tal-kindergarten — bl-investigazzjonijiet qed ikomplu.

Il-katavri nstabu waqt li s-suldati Iżraeljani kienu qed javvanzaw miz-zona ta’ Khan Younis fin-Nofsinar ta’ Gaza – bil-militar qed jgħid li l-għalliem inqatel waqt li hu kien qed jinżamm priġunier mill-Ħamas.

Fl-istess ħin, jidher li l-erba’ suldati kienu nqatlu waqt il-kumbattimenti mal-Ħamas fis-7 ta’ Ottubru – u bit-terroristi, imbagħad, jieħdu l-katavri magħhom lejn Gaza.

B’din l-aħbar, jidher li f’Gaza għad fadal 110 minn fost il-251 ostaġġi li nħatfu mit-terroristi waqt ir-rejds storiċi ta’ Ottubru. U fost dawn hemm xi 40 li, skont il-militar, x’aktarx li wkoll tilfu ħajjithom matul dawn l-aħħar xhur.

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, f’nofs il-ġimgħa, għamel diskors lill-Kungress Amerikan f’Washington u fejn hu rrefera kontinwament għad-destin tal-ostaġġi Iżraeljani.

Fl-istess ħin, Netanyahu ma indikax jekk Iżrael jistax ikun qrib ftehim mal-Ħamas li jaċċerta l-ħelsien tal-ostaġġi li għadhom miżmuma f’Gaza….Ftehim li x’aktarx jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet għal waqfien mill-ġlied f’Gaza u l-ħelsien għal numru ta’ Palestinjani li qed jinżammu fil-kumplessi tal-ħabs f’Iżrael.