Internazzjonali

Il-Filippini: Kunsinna kbira taż-żejt tinfirex mal-Bajja ta’ Manila f’inċident waqt tifun



L-awtoritajiet fil-Filippini, fl-aħħar sigħat, kienu qed jippruvaw iwaqqfu l-firxa taż-żejt minn tanker li nqaleb fil-Bajja ta’ Manila, f’ħin meta l-pajjiż kien assedjat mill-elementi ta’ tifun imlaqqam Gaemi.

Il-vapur – l-MT Terra Nova – kien qed iġorr mal-1.5 miljun litri ta’ fuel industrijali u, f’każ li s-sitwazzjoni ssir inkontrollabbi, il-konsegwenzi jistgħu jkunu mill-aktar diżastrużi għall-Filippini minn aspett ekoloġiku.

Sadanittant, l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed ifittxu fl-ibħra ‘il hinn mit-Tajwan għal għaxar membri tal-ekwipaġġ ta’  vapur tal-merkanzija li għereq b’kaġun tat-tifun. Dan meta t-Tifun Gaemi – l-ewwel tifun li laqat lit-Tajwan din is-sena – qatel talanqas tlieta minbarra li kkaġuna l-mijiet tal-midruba.

Il-maltemp tat-tifun, fl-istess ħin, intensifika l-ħalbiet tax-xita tal-istaġun tal-monoon fil-Filippini, li tinsab lejn in-Nofsinar tat-Tajwan.