Internazzjonali

Il-Kanada: Kriżi ta’ nirien fost l-eluf tal-evakwati

L-awtoritajiet f’Jasper qed jiffaċċaw sitwazzjoni ta’ nirien li fissruha bħala ‘ħmar il-lejl’ għalihom u r-residenti ta’ din il-belt turistika. Dan waqt li l-fjammi, fl-aħħar sigħat, ħakmu lil diversi bini – bin-nirien li qabdu jiem ilu qalb foresta javvanzaw lejn id-diversi zoni tal-belt, fost l-evakwazzjoni ta’ mill-anqas 25,000 persuna.

Skont l-aħħar rapporti, in-nirien ħakmu parti kbira mill-Park Nazzjonali ta’Jasper waqt li ħallew impatt katastrofiku f’partijiet oħra tal-belt. Dan fost inċidenza ta’ nirien qawwija – magħrufin bħala wildfires – fil-provinċji ta’ Alberta u British Columbia, lejn il-Punent tal-Kanada.

Ir-reġjun inkwistjoni, fl-aħħar ġimgħa, intlaqat kontinwament mill-beraq li kaġunaw diversi nirien fost il-mewġ tas-sħana konsistenti.

Intant, ‘il fuq minn 2,000 ‘firefighter’ jinsabu fuq allert għas-sitwazzjoni allarmanti f’Alberta – u fejn qed jingħataw ukoll appoġġ mill-iskwadri għall-emerġenzi li waslu fl-inħawi mill-Alaska u l-Awstralja. Dan meta l-impenn ewlieni tal-iskwadri hu li jsalvaw l-infrastruttura ewlenija fil-belt ta’ Jasper.

In-nirien anki kienu qed jheddu lit-Trans Mountain Pipeline tal-Istat li għaddej mill-Park Nazzjonali ta’ Jasper u li sal-bieraħ kien għadu qed jiffunzjona.

Sadanittant, l-aħħar rapporti mill-Kanada referew għal akar minn 400 każi ta’ nirien fl-inħawi ta’ British Columbia u viċin il-200 nirien fil-provinċja ta’ Alberta.