Lokali Parlament

Il-Kap tal-PN jitlob li jiltaqa’ l-Parlament b’urġenza biex tiġi diskussa l-pożizzjoni ta’ Edward Scicluna

Dan wara li l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u Deputy Chairperson tal-MFSA tpoġġa taħt Att ta' Akkuża

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kiteb lill-Ispeaker tal-Kamra tal-Parlament biex il-Parlament jiltaqa’ b’urġenza sabiex jiddiskuti l-aħħar ċirkustanzi l-pożizzjoni li ħa l-Professur Edward Scicluna li ma jwarrabx mill-karigi ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u ta’ Membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta wara li Edward Scicluna tpoġġa taħt att ta’ akkuża quddiem il-Qorti Kriminali.

Fl-istess ittra lill-Ispeaker, il-Kap tal-Partit Nazzjonalisa Bernard Grech qal li taħt dawn iċ-ċirkostanzi għandu jkun il-Parlament li jesiġi u jiżgura li mill-ġdid jirrenjaw is-serjetà u l-kontabbiltà fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u li l-ebda interessi personali ma jirbħu fuq dawk ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li minkejja li għaddew aktar minn 24 siegħa mill-imsemmi digriet tal-Qorti, il-Professur Edward Scicluna mhux biss ma warrabx mill-karigi li huwa jokkupa, iżda saħansitra informa lid-delegati tal-Partit Laburista li huwa ser jibqa’ fil-karigi għal raġunijiet politiċi. Il-Professur Edward Scicluna qiegħed jirrifjuta li jagħmel dak li hu mistenni minnu fiċ-ċirkostanzi u fl-istess ħin jinjora lill-Prim Ministru. Għall-Oppożizzjoni dan mhux aċċettabbli u juri nuqqas ta’ tmexxija serja u b’saħħitha f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonlista qal li peress li l-Parlament jista’ jiltaqa’ b’urġenza jekk ikun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, talab biex l-Ispeaker jikkomunika b’urġenza mal-Kap tal-Kamra, l-Onor. Owen Bonnici, sabiex din it-talba tal-Oppożizzjoni tasal għand il-Gvern, sabiex ikun hemm koordinazzjoni għat-tlaqqigħ b’urġenza tal-Parlament.