Lokali

Il-Ministru Michael Falzon jgħid li Chris Fearne kien l-aqwa Ministru fid-dinja

Wara li l-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna tpoġġew taħt att ta’ akkuża b’rabta mal-iskandlu tal-isptarijiet, il-Ministru Michael Falzon insista li Fearne kien l-aqwa Ministru fid-dinja.

Chris Fearne u Edward Scicluna qed jaffaċċjaw akkużi ta’ qerq għad-dannu tal-pajjiż, b’miżappropjazzjoni u bi qligħ li sar b’mod frawdolenti. Dan b’rabta mal-akbar frodi fl-istorja ta’ pajjiżna fil-każ skandaluż tat-tliet sptarijiet.

Il-Ħamis filgħodu meta l-Ministru Michael Falzon kien iffaċċjat bid-domandi ta’ Net News, huwa kompla joħroġ għonqu għal Chris Fearne, Joseph Muscat kif ukoll Edward Scicluna hekk kif qal li m’għandu l-ebda dubju mill-integrità tagħhom.

Dan minkejja li fl-aħħar ġimgħat żewġ Maġistrati kkonkludew li hemm biżżejjed provi sabiex dawn il-politiċi tal-Labour u oħrajn li kienu jokkupaw kariġi għoljin, għandhom jiffaċċjaw ġuri – xi ħaġa li qatt ma ġrat fl-istorja ta’ pajjiżna.

Meta kien mistoqsi jekk hux tajjeb li Chris Fearne se jkompli jifforma parti mill-Grupp Parlamentari Laburista, Falzon b’ċertezza kbira qal li Fearne kien l-aqwa Ministru fid-dinja. L-istess Ministru li ħalla dan id-deal frawdolenti għaddej għal snin sħaħ bil-Qorti qalet ċar u tond li għalkemm Fearne u Scicluna ġew infurmati b’dawn in-nuqqasijiet, fil-Kabinett qatt ma oġġezzjonaw – u baqgħu jivvutaw favur li Vitals u Steward ikomplu jingħataw il-miljuni minn but il-poplu mingħajr investiment.

Dan il-każ tal-isptarijiet kompla żied il-pressjoni fuq il-Gvern ta’ Robert Abela… li għadu frisk minn riżultat elettorali xejn favorevoli, fejn tilef siġġu fil-Parlament Ewropew u tilef il-maġġoranza f’numru kbir ta’ Kunsilli Lokali.