Joseph Scicluna, li llum għandu 65 sena u hu akkużat f’ġuri b’attentat ta’ qtil ta’ kollega kaċċattur Mark Farrugia ta’ 43 sena, xehed li kien l-allegat vittma li ppuntalu s-senter u kellu jirreaġixxi biex jiddeffendi lilu nnifsu.
Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera llum il-Ħamis kompla l-ġuri li daħal fir-raba’ jum tiegħu fejn Joseph Scicluna hu mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Mark Farrugia, li kkaġunalu ġrieħi gravi u li kellu fil-pusses tiegħu senter bla liċenzja.
L-akkużat, ta l-verżjoni tiegħu meta xehed dwar x’ġara f’Ottubru tal-2018 meta seħħ l-inċident li fih Farrugia spiċċa fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn tir ta’ arma tan-nar. Scicluna spjega lill-ġurati li dakinhar kien qam għall-ħabta tal-4.30am, qara tliet siltiet mis-santi li jżomm ħdejn is-sodda u niżel isfel biex jieħu l-kolazzjon mal-mara u t-tifel.
Wara ħareġ il-karozza tiegħu, telaq l-għalqa biex joħrog il-klieb u kif kien nieżel fil-parti t’isfel tal-għelieqi lemaħ lil Mark Farrugia, qiegħed jarma għall-kaċċa fl-għalqa ta’ zijuh. Tenna li qallu “bonġu” iżda Farrugia ma weġbux u żied li kellmu dwar il-pajpijiet tal-ilma li jinsabu mdawrin mad-dielja.
L-akkużat qal li Farrugia baqa’ ma weġbux u rħielha f’akwata oħra biex iġib l-imgħażqa u huwa u tiela’ lura reġa’ sellem lil Farrugia aktar mill-viċin u għal darb’oħra reġa’ wissieh biex ma jisparax fil-baxx għax it-tiri laqtulu l-pajpijiet tal-ilma.
L-irgiel komplew jitkellmu fuq gamiema li l-akkużat ikkaċċja jumejn qabel, bl-akkużat xehed li mill-bogħod lemaħ lil missier il-vittma nieżel fil-wied bil-vettura. Kompla jixhed li kien lemaħ tajra lejn is-siġra tal-lewża u pponta lejha biex juri lil Farrugia fejn kienet, bil-vittma jħares lejha għal darba, darbtejn.
Scicluna qal li qabel telaq rega’ wissieh biex ma jisparax fil-baxx u biex iħalli lill-ibnu bi kwietu għax kellu biżżejjed problemi. L-akkużat qal li Farrugia ħares lejh u beda jkellmu bi kliem baxx u ppuntalu s-senter ma’ wiċċu. “Għal dan l-aġir ksaħt”, saħaq Scicluna.
Qal li l-vittma kompla jimbuttah bl-akkużat jiddikjara li tah daqqa ta’ marloġġ biex jiddefendi lilu nnifsu. L-akkużat bl-imgħażqa f’idu u l-vittma bis-senter, spiċċaw jargumentaw bl-idejn b’Sciculna jgħid li Farrugia tah daqqa ta’ ponn f’għajnu u reġa’ mbuttah u konsegwenza ta’ hekk hu (l-akkużat) waqa’ mal-art.
Ix-xhud kompla jgħid li ż-żewgt irġiel kienu mal-art jitqabdu f’xulxin, bil-vittma fuqu – jagħtih bil-ponn. Qal li l-flokk li kien liebes spiċċa f’idejn Mark Farrugia. L-akkużat xehed li rnexxielu jimbotta lil Farrugia u dan tgerbeb.
F’daqqa waħda qal li ra lill-allegat vittma jiġri għas-senter, bl-akkużat daqxejn metri bogħod minnu jaħtaf is-senter l-ewwel u jispara. Scicluna tenna wkoll li l-allegat vittma ħarab jiġri lejn il-parti ta’ fuq tal-wied fejn kien hemm missieru.
Scicluna ddikjara li wara li spara telaq minn fuq il-post u mar id-dar, b’martu tistaqsih x’ġara x’ħin ratu f’dik is-sura. Huwa rrakuntalha li kellu xi jghid mar-‘Raħli’ fuq il-pajpijiet tal-ilma. Huwa qal lill-ġurati li libes flokk ġdid u mar idaħħal il-karozza tiegħu Maruti fil-garage.
Għattiha b’cover minħabba li l-qtates tiegħu għandhom tendenza jitilgħu fuq is-saqaf tal-vettura u żied li wara mar jixtri l-ħobż u wassal lill-mara x-xoghol. L-akkużat qal li ftit tal-ħin wara rċieva telefonata mill-għassa tar-Rabat bil-Pulizija staqsewh fejn qiegħed, u talbuh jinżel l-għassa.
Qal li niżel l-għassa minn jeddu u tkellem mal-ispettur li kien fl-għassa tar-Rabat waqt li sostna li qatt ma ammetta li kien fuq il-post għax ħa l-parir li tah l-avukat li kellu miegħu waqt l-istqarrija. Fi tmiem ix-xhieda tiegħu, Scicluna tenna li ftit taż-żmien wara sar jaf bl-Avukat Arthur Azzopardi, li wara li tkellem miegħu tah il-parir biex jistqarr il-verità.
Il-prosekuzzjoni talbet li jitla’ jixhed l-avukat li kien tah il-parir biex ma jammettix fuq il-post u jikkonferma dak li qal fix-xhieda tiegħu Scicluna. Id-difiża oġġezzjonat u qalet li l-avukat ma naqasx xejn bl-ebda mod u manjiera, iżda kien sempliċiment qed jagħmel xogħlu.
L-Imhallef Scerri Herrera qalet li l-Qorti għandha idha marbuta għaliex Avukat, Qassis u Tabib huma marbuta bis-sigriet professjonali u għalhekk f’dan il-każ, l-akkużat biss għandu s-seta’ li jeżenta lill-Avukat preċedenti mis-sigriet professjonali.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kevin Valletta u Kayleigh Bonett għan-nom tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri waqt li l-Avukat Edward Gatt u Shaun Zammit qed jidhru għall-parte civile.
//= $special ?>