L-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista ddeċieda li d-dati tal-Konferenza Ġenerali li fiha se jsiru l-elezzjonijiet għall-karigi ta’ Deputati Mexxejja u ħatriet oħra fl-amministrazzjoni tal-Partit Laburista. Din il-Konferenza Ġenerali se titlaqqa’ fid-dati ta’ bejn it-13 u l-15 ta’ Settembru.
Fit-13 ta’ Settembru se jsiru l-elezzjonijiet għal Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista u membri oħra tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, eletti mill-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista.
F’każ li għall-elezzjoni tad-Deputati Mexxejja jkun hemm iktar minn żewġ kandidati u ħadd ma jġib iktar minn 50%+1 tal-voti, it-tieni votazzjoni bejn l-iktar żewġ kandidati li ġabu voti ssir fl-14 ta’ Settembru. Il- votazzjoni bikrija għal min mhux ser ikun jista’ jivvota fid-data tat-13 ta’ Settembru se ssir nhar is-Sibt 7 ta’ Settembru.
Il-karigi fl-amministrazzjoni eletti mill-Konferenza Ġenerali huma dawk ta’ President, Viċi President, Segretarju Internazzjonali u Segretarju Organizzativ. Se jsiru wkoll l-elezzjonijiet għat-12-il membru ordinarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali, skont kif jistipula l-Istatut tal-Partit Laburista.
In-nominazzjonijiet għall-karigi kollha se jinfetħu nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Awwissu, u jibqgħu miftuħin sal-25 ta’ Awwissu.
//= $special ?>