Lokali

L-għadd ta’ persuni fil-faqar ikompli jikber fl-aħħar ħames snin – PN

Il-PN fil-Gvern jara li kulħadd ikollu d-dinjità tiegħu u li dawk li jinsabu fit-truf tas-soċjetà jkollhom il-wens u l-appoġġ meħtieġ

Skont l-aħħar stħarriġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, bejn 2017 u l-2022, jiġifieri fuq medda ta’ ħames snin, in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar żdied b’10,281. Fil-fatt, fl-2017, in-numru ta’ dawn il-pesuni kien ta’ 75,516, filwaqt li issa dan tela’ għal 85,797 persuna.

Lil hinn minn ċifri, dawn mhux biss huma persuni Maltin li jinsabu f’dan ir-riskju, iżda wkoll familji sħaħ li għaddejin minn din l-esperjenza ta’ faqar.

Dan l-istħarriġ, qalu fi stqarrija x-Shadow Ministers Albert Buttigieg u Ivan Bartolo, li mhux biss iċanfar lill-Gvern ta’ Robert Ablea u sħabu, iżda jkompli jikxef l-inġustizzja soċjali kbira li hawn f’pajjiżna. Filwaqt li l-Gvern Laburista jiftaħar li hu tarka ta’ dawk li jinsabu fit-truf tas-soċjetà, jispiċċa jaġevola u jpaxxi b’ġenerożità kbira lil dawk tal-qalba, b’diversi minn dawn jinsabu f’delirju li jiffangaw u jitħanżru.

Fost dawn hemm nies bħall-Kummissarju tal-Films Johann Grech, magħruf għat-tberbiq tal-flus, fosthom kif film ta’ 10 minuti spiċċa €500,000. Dan hu biss każ wieħed li juri kif Robert Abela għandu flus kemm irid għal tal-qalba, iżda għal 10,281 persuna m’għandux ħlief kliem fieragħ.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll kif minbarra dawk li jinsabu fir-riskju tal-faqar, hemm ukoll eluf ta’ familji oħrajn li dan l-aħħar kellhom jgħaddu minn tbatija kbira minħabba l-qtugħ tad-dawl għax il-Gvern tal-Labour ma għamilx l-investiment meħtieġ fl-aħħar 11-il sena. U issa, għax jinsab dahru mal-ħajt, spiċċa jikri għal eluf ta’ ewro kull siegħa diversi generators li xorta ma solvewx il-problema.

Għall-inkompetenza tal-Labour, tbati int. Malta jixirqilha aħjar.

Ix-Shadow Ministers Albert Buttigieg u Ivan Bartolo qalu li hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex ikun il-Gvern alternattiv li jara li kulħadd ikollu d-dinjità tiegħu u li dawk li jinsabu fit-truf tas-soċjetà jkollhom il-wens u l-appoġġ meħtieġ.