Għall-ewwel darba l-Orkestra taż-Żgħażagħ fi ħdan l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ħadet sehem fil-Festival Orchestre Giovanili li huwa festival internazzjonali għall-orkestri taż-żgħażagħ.
Dan il-festival isir kull sena f’Firenze u fl-ibliet tal-madwar, bl-orkestra ta’ pajjiżna ħadet sehem fih għall-ewwel darba din is-sena.
Mal-Maltin, ħadu sehem orkestri taż-żgħażagħ minn 13-il pajjiż madwar id-dinja u l-Orkestra taż-Żgħażagħ ta’ pajjiżna kienet l-akbar waħda – b’54 mużiċist u mużiċista.
L-orkestra daqqet żewġ kunċerti taħt il-bakketta ta’ Michael Laus. L-ewwel kunċert ittella’ t-Tlieta t-23 ta’ Lulju f’Terme Tettuccio, Montecatini, waqt li t-tieni kunċert sar l-għada fi Piazza della Signoria, fiċ-ċentru ta’ Firenze.
Minbarra mużika magħrufa internazzjonali, l-orkestra esegwiet ukoll siltiet ta’ kompożituri Maltin bħalma spjega d-Direttur Mużikali Residenti fi ħdan l-Orkestra Filmarmonika ta’ Malta Michael Laus. Fl-ewwel kunċert indaqqet Elegy ta’ Stephen-Joseph Psaila, filwaqt li fit-tieni kunċert l-orkestra żagħżugħa interpretat is-silta Sbuħija ta’ Joseph Sammut.
Minn naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Vanessa Mangion sostniet li din l-opportunità għandha tgħin liż-żgħażagħ ikomplu jkabbru t-talenti tagħhom filwaqt li jieħdu togħma tal-industrija tal-mużika barra minn xtutna.
//= $special ?>