Lokali Qorti

Ordni ta’ probation għal tliet snin wara li saqet fuq karozza u marret għal sidha b’sikkina

Żagħżugħa ta’ 22 sena, mill-Marsa, ingħatat ordni ta’ probation għal tliet snin u ġiet ordnat issegwi trattament psikjatriku wara li ammettiet li kienet involuta f’episodju vjolenti fejn għal diversi drabi saqet bil-karozza tagħha fuq Mercedes ta’ mara oħra u li hedditha b’sikkina. L-inċident seħħ f’Ħaż-Żebbuġ f’Novembru li għadda.

Il-ġlieda bdiet wara kwistjoni bejn iż-żewġ nisa, u żvolġiet bl-akkużata taħbat bil-Maruti tagħha fil-Mercedes tal-vittma. Filmati tas-CCTV urew il-manuvri  u juru lit-tfajla tidħol fil-karozza tal-vittma għal erba’ darbiet.

Il-vittma kienet marret l-għassa biex tagħmel rapport u ċemplet lill-akkużata. Madankollu, l-affarijiet eskalaw meta t-tfajla waslet l-għassa, armata b’sikkina, u hi heddet lill-mara. Hija kienet qed tiffaċċja diversi akkużi, fosthom li kkawżat aktar minn €2,500 fi ħsara fil-karozza tal-vittma, li saqet b’mod perikoluż mingħajr liċenzja jew koperta bl-assigurazzjoni, u li pprovat tweġġa’ gravi bi strument li jaqta’ u bil-ponta.

Hija ġiet mixlija wkoll li heddet u attakkat lill-vittma, kif ukoll li ġarret sikkina fil-pubbliku mingħajr permess. Mill-provi li tressqu rriżulta wkoll li l-vittma tiġi omm ulied is-sieħeb attwali tat-tfajla u li teżisti relazzjoni negattiva bejniethom għalkemm jidher li dan kien inċident ta’ darba u ma kienx irrepeta ruħu.

Il-Maġistrat Rachel Montebello, li semgħet il-każ, irrimarkat fis-sentenza li t-tfajla kellha trobbija diffiċli u ilha tbati minn diffikultajiet ta’ saħħa mentali sa minn età żgħira. Hi nnutat li d-diffikultajiet żviluppaw f’ansjetà minħabba r-relazzjoni diffiċli mal-vittma u l-pressjoni li din ħolqot fuqha.

Il-Maġistrat irrimarkat ukoll li t-tfajla bdiet tbati minn dipressjoni wara t-twelid tat-tarbija li għandha mal-eks sieħeb tal-vittma u li fiż-żmien tal-inċident kienet diġà qed tingħata l-kura għal din id-dipressjoni.

Il-Qorti nnutat ukoll li t-tfajla ddispjaċiha għal dak li ġara u li lesta terfa’ r-responsabbiltà u tibdel l-attitudni tagħha. Kien għalhekk li waqt li sabitha ħatja, poġġietha taħt ordni ta’ probation għal tliet snin u ordnatilha ssegwi trattament minn psikjatra u psikologu għall-istess perjodu.

Hija wkoll skwalifikata mil-liċenzja tas-sewqan għal 12-il xahar u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għal tliet snin. Il-Maġistrat Montebello rrimarkat ukoll li peress li mill-kawża ma rriżultax l-ammont tal-ħsara kkaġunata fil-Mercedes, ma setgħetx tordna l-ħlas lill-mara.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Mallia waqt li l-Avukat Yanika Bugeja dehret għat-tfajla.