Edward Scicluna għandu jieqaf iwebbes rasu u jirriżenja minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali
Wara li Edward Scicluna tpoġġa’ taħt att ta’ akkuża b’rabta mas-serqa tal-isptarijiet, Robert Abela għadu ma ħa ebda azzjoni fil-konfront tiegħu biex Edward Scicluna ma jibqax Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Robert Abela baqa’ m’għamel xejn anki jekk għandu wkoll il-poter li jneħħi lil Edward Scicluna mill-bord tal-MFSA.
Hekk iddikjaraw ix-Shadow Ministers tal-Partit Nazzjonalista Graham Bencini u Jerome Caruana Cilia f’konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-kriżi li qed jaffaċċja l-Gvern u n-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Prim Ministru.
L-Eks Ministru tal-Finanzi mhux talli għadu ma rriżenjax minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali, talli qed jinsisti li mhux lest iċedi. Dan ġie żvelat mit-Times of Malta meta ppubblikat messaġġ mibgħut mill-istess Edward Scicluna fejn iddikjara li hu jirriżenja biss jekk jinstab ħati ta’ reat u li mhux se jaqa’ għall-pressjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
Robert Abela għadu ma ħa l-ebda responsabbiltà biex issejjaħ għar-riżenja tiegħu.
Ix-Shadow Ministers insistew li Edward Scicluna m’għandux rispett lejn is-servizzi finanzjarji – qasam li fuqu jiddependu eluf ta’ impjiegi.
Huma fakkru wkoll kif lura fl-2020, l-istess Edward Scicluna kien kiteb artiklu fil-gazzetta ‘It-Torċa’ dwar l-etika tal-politiċi – xi ħaġa li hu stess qed imur kontra tagħha.
Ix-Shadow Ministers saħqu kif issa qed joħroġ iktar biċ-ċar li Edward Scicluna qed iżomm postu għall-paga biss u kull ġurnata li tgħaddi qed jagħmel ħsara irreparabbli lil pajjiżna.
Robert Abela għandu jara li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna tkun salvagwardjata. F’kull ġurnata li Robert Abela qed jibqa’ jkaxkar saqajah, qed issir ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti biex Edward Scicluna jitlaq illum qabel u għada u b’hekk tieqaf issir il-ħsara lil dan il-qasam.
