Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal anzjana wara li kkaġunat il-mewt ta’ anzjan

Anzjana mir-Renju Unit li kienet qed tagħmilha ta’ carer, ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin kif ukoll tħallas €2,000 tal-esperti tal-Qorti wara li nstabet ħatja li kkaġunat il-mewt ta’ anzjan li kien jgħix magħha. Hija nstabet ħatja wkoll li kkaġunat tbatija fiżika lill-anzjan.

Penelope Davis ta’ 78 sena nstabet ħatja li erba’ snin ilu kkaġunat il-mewt ta’ anzjan ta’ 90 sena li kienet tieħu ħsieb f’daru, f’San Pawl il-Baħar. Dan kollu seħħ, qalet il-Qorti, peress li l-carer tiegħu ma kenitx tieħu ħsiebu u li dan huwa każ xokkanti ta’ kif il-vittma kien abbandunat.

Il-Maġistrat Nadine Sant semgħet kif il-Pulizija kienet bdiet tinvestiga l-każ wara li fl-24 ta’ Ġunju 2020 rċeviet rapport minn tabib li jaħdem fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta. Dr. Mario Blackman kien imsejjaħ fid-dar, li tinsab fi Triq il-Kaħli, u ċċertifika lil Ernest Thompson mejjet mal-art.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta li kkonkludiet li l-anzjan seta’ miet minħabba traskuraġni. Il-Pulizija bdiet tinterroga lill-carer tiegħu, Penelope Davis li dak iż-żmien kellha 74 sena, li spiċċat tressqet il-Qorti fejn akkużatha li bi traskuraġni kkaġunat il-mewt tal-anzjan.

It-Tabib Mario Scerri, li tqabbad biex jeżamina l-katavru, xehed li l-vittma kellu sinjali ta’ telqa u qal li l-anzjan miet kawża ta’ pnewmonja mhux trattata. Huwa ddeskriva l-każ bħala wieħed mill-agħar li qatt ra f’karriera ta’ 35 sena.

Dr Scerri qal li l-ġrieħi li kellu fuqu l-anzjan juri li kien ilu fl-istess pożizzjoni għal żmien twil u peress li kellu d-dimensja ma kienx f’pożizzjoni li jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. L-akkużata għażlet li tixhed fejn qalet li saret taf lill-anzjan fir-Renju Unit minn fejn kienu ġejjin, u meta ġiet Malta huwa segwiha.

Qalet li ma kien hemm ebda relazzjoni bejniethom ħlief li kienu jgħixu fl-istess dar li xtrawha bejniethom u ċaħdet li ttaskuratu fejn insistiet li kienet taħslu, tbiddillu l-ħwejjeġ u qalet ukoll li kien rieqed mal-art biex ma jaqax mis-sodda.

Il-Maġistrat Nadine Lia, iddeskriviet ir-ritratti tal-katavru bħala xokkanti u sostniet li setgħet tifhem il-kummenti tat-Tabib Scerri. Qalet ukoll li l-evidenza turi li huwa kien qed jiġi inviżtat regolarment fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta, madankollu esprimiet it-tħassib dwar kif it-tobba ma kinux konxji tal-kundizzjoni ħażina tal-anzjan.

Il-Maġistrat qalet li mhux skuża li l-anzjan kien jorqod mal-art biex ma jaqax mis-sodda għax din il-problema setgħet ġiet solvuta bil-bed guards. Qalet ukoll li l-anzjana ħalliet is-sitwazzjoni taħarbilha minn taħt il-kontroll tagħha meta setgħet talbet l-għajnuna biex l-anzjan jingħata kura aħjar.