Internazzjonali

Stati Uniti: Diskors tal-President Biden li ma konvinċiex daqstant lill-osservaturi politiċi

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, għamel l-ewwel diskors lill-pajjiż mindu hu, jiem ilu, iddeċieda li ma jikkuntestax l-elezzjoni presidenzjali ta’ Novembru.

Biden, waqt xandira diretta mill-Oval Office tal-White House (f’Washington), qal li deċieda biex iwarrab mit-tellieqa biex isalva d-demokrazija fl-Istati Uniti… Madankollu, diversi analisti politiċi mhumiex konvinti b’din l-ispjegazzjoni waqt li qed jgħidu li hemm ‘ċerta informazzjoni li x’aktarx qed tinżamm lura lill-Amerikani’.

Intant, Biden, li għandu 81 sena, qal li hu kien jimmeritah tieni terminu ta’ poter meta wieħed iqis ir-rekord tiegħu bħala President. Fl-istess ħin, hu qal li l-karriera politika tiegħu żgur li mhix importanti daqs is-sistemi demokratiċi fil-pajjiż li jridu jinżammu intatti akkost ta’ kollox.

Il-President kompla li hu jirrispetta ħafna r-rwol tal-Presidenza iżda ried jagħmilha ċara wkoll li jħobb lil pajjiżu aktar minn kull ħaġa oħra.

Hu, għaldaqstant, saħaq li kien qed jippromwovi lill-Viċi-President Amerikan, Kamala Harris, biex jikkonsolida l-għaqda fi ħdan il-Partit Demokratiku u l-poplu Amerikan. Dan ukoll meta d-Demokratiċi, fl-aħħar jiem, irkupraw ħafna mill-appoġġ popolari skont l-aħħar stħarriġ — tant li huma, issa, jidhru li qed igawdu vantaġġ minimu ħafna fuq ir-Repubblikani.

Fl-istess ħin, ma jidhirx li hemm xi intoppi għal Harris biex taċċerta uffiċjalment min-nomina ħalli, f’Novembru, tikkuntesta l-elezzjoni għan-nom tal-Partit Demokratiku.

Il-President Biden – qabel ħabbar id-deċiżjoni biex iwarrab mit-tellieqa għall-White House – kien ilu taħt pressjoni mill-kollegi tal-Partit Demokratiku kif ukoll mid-donaturi għall-partit li lkoll esprimew allarm dwar il-kundizzjoni ‘fiżika u mentali’ tal-Mexxej Amerikan.

Huwa wkoll sinifikanti li Biden ma dettaljax kif il-kampanja tiegħu kellha tiżvolġi b’mod daqstant diżastruż u lanqas, waqt id-diskors, ma ammetta li telfa kontra l-eks-President Amerikan Donald Trump ( il-kandidat tal-Partit Repubblikan) kellha tkun inevitabbli li kieku hu insista li jikkuntesta l-elezzjoni.

Fl-istess ħin, Biden ma rreferiex għad-domandi dwar ‘il-fraġilità fiżika u kompetenza mentali tiegħu’ li tant ħassbu lill-poplu Amerikan fl-aħħar ġimgħat u xhur.

Dan meta kollox, issa, qed jindika taqtigħa missielta ħafna bejn Kamala Harris u Donald Trump fil-jiem li jmiss – u meta diġà qed jispikka livell ta’ animosità personali bejn dawn iż-żewġ kandidati.