Lokali Qorti

18-il xahar wara li seraq b’eluf ta’ ewro f’ġojjelli minn residenza

Keith Micallef ta’ 33 sena, residenti l-Belt Valletta ġie kkundannat 18-il xahar ħabs wara li nstab ħati li seraq ġojjelli minn dar ta; mara fil-Mellieħa. Huwa ammetta li wettaq żewġ serqiet fuq perjodu ta’ jumejn mir-residenza, u li dawn seħħew għall-ħabta tas-1pm. tal-15 ta’ Mejju u għall-ħabta tal-10.30am. tal-għada 16 ta’ Mejju.

Micallef li huwa wkoll reċidiv ammetta wkoll li seraq ġojjelli li l-valur tagħhom huwa ta’ eluf ta’ ewro, madwar €55,000. Huwa ammetta quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li nhar is-17 ta’ Mejju li għadda u qabel laqa’ għandu jew xtara ħwejjeg misruqa, meħuda b’qerq, jew akkwistati b’reat. F’dan il-każ mutur tal-għamla Kymco Agility City 125. Ammetta wkoll li saq numru ta’ vetturi mingħajr ma kellu liċenzja tas-sewqan.

    Meta bdew il-proċeduri, l-akkużat wieġeb mhux ħati, iżda waqt l-istess proċeduri hu informa lill-Qorti li kien se jammetti għall-akkużi kollha kontrih. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li Micallef ilu snin ixellef dufrejh mal-liġi, u minkejja li diġà għamel żmien il-ħabs xorta waħda baqa’ ma tgħallem xejn.

    Il-Maġistrat ikkunsidrat l-ammissjoni tar-raġel fis-stadju bikri tal-każ kif ukoll li għandu l-vizzju tad-droga. Ġie nnutat li l-ġojjelli misruqin kienu sentimentali għall-vittma u dawn baqgħu qatt ma nstabux. Kien għalhekk li minbarra priġunerija l-Qorti ordnat li Micallef iħallas €55,000 lill-vittma wara li joħroġ mill-ħabs. Ġie ordnat ukoll li jsegwi programm kontra l-vizzju tad-droga.