Sport Sport Ieħor

Benji Borg Irmia se jirrappreżenta lil Malta f’Genk fil-Belġju

Benji Borg Irmia, sewwieq żagħżugħ tal-Karting, se jkun qed jirrappreżenta lil Malta fil-Genk Karting Track fil-Belġju. Borg Irmia, li għandu 14-il sena, intgħażel minn VDK Racing Team, li hu wieħed mill-aktar timijiet rinomati fl-isport. Benji Borg Irmia ilu jagħmel ħoss f’dan l-isport u din l-għażla kompliet turi biċ-ċar il-potenzjal ta’ dan iż-żagħżugħ, b’Borg Irmia jqatta’ diversi siegħat ta’ taħriġ biex jirnexxielu jkollu prestazzjonijiet mill-aqwa kemm f’kompetizzjonijiet lokali u dawk internazzjonali. Benji se jkun qed jikkompeti fil-kompetizzjoni prestiġjuża bl-isem ta’ IAME Euro Series, bejn il-21 u l-25 ta’ Awwissu.

Dan l- avveniment se jkun wieħed sinifikanti għas-sewwieqa żgħażagħ għaliex se jkollhom l-opportunita’ li juru l-ħiliet tagħhom f’dan l-isport madwar id-dinja. Benji għandu s-sapport ta’ diversi organizzazzjonijiet fosthom Karting Club, Karting Club Malta, KPL u l-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport, fejn ir-riżorsi u l-inkorraġiment tagħhom kienu strumentali għall-iżvilupp tal-karriera tiegħu.