Lokali Qorti

Il-ġuri dwar attentat ta’ qtil f’Ħad-Dingli riesaq lejn tmiemu

Il-ġuri dwar attentat ta’ qtil li seħħ f’Ħad-Dingli fl-2018 riesaq lejn tmiemu bil-partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom dwar il-każ wara x-xhieda tal-akkużat. Joseph Scicluna, ta’ 65 sena huwa akkużat b’attentat ta’ qtil ta’ Mark Farrugia ta’ 43 sena permezz ta’ tir ta’ senter.

Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera l-ġuri li daħal fir-ħames  jum tiegħu fejn Scicluna qed jiġi akkużat ukoll li kkaġuna ġrieħi gravi fuq Farrugia u li kellu fil-pusses tiegħu senter bla liċenzja.

Wara nofs in-nhar beda l-aħħar difiża tiegħu l-Avukat Arthur Azzopardi f’isem l-akkużat u dan wara li filgħodu beda hu jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu u warajh wieġbitu l-prosekuzzjoni, bir-replika dejjem issir minn naħa tad-difiża.

Wara s-sottomissjonijiet mill-partijiet l-Imħallef Scerri Herrera ndirizzat il-ġurati dwar punti legali fejn dawn wara li ttemm id-diskors tagħha, ddaħħalhom jiddeliberaw biex jaslu għall-verdett. Wara f’każ ta’ ħtija tingħata s-sentenza mill-Imħallef u f’każ ta’ liberazzjoni, l-akkużat jispiċċa ħieles.

Kemm l-allegat vittma u l-akkużat xehdu fil-ġuri fejn it-tnejn qalu li tqabdu ma’ xulxin li spiċċa ġie sparat tir ta’ senter li fera sew lil Farrugia, li qal li l-akkużat sparalu wara li tqabdu ma’ xulxin. Minn naħa tiegħu l-akkużat qed jgħid li għamel dak li għamel kien biex jiddeffendi lilu nnifsu.

Dan kollu seħħ kmien filgħodu wara argunent li nqala’ bejn it-tnejn. Bl-irġiel jispiċċaw jagħtu lil xulxin sakemm it-tir ġie sparat mill-akkużat. Il-prosekuzzjoni qed tgħid li kien l-akkużat li bl-aġir tiegħu pprova joqtol lill-vittma, bid-difiża tgħid li min jallega jrid jipprova.

Il-prosekuzzjoni ssemmi d-daqqa ta’ marloġġ li l-akkużat ta lill-vittma fejn qalet li Scicluna ma kienx kredibbli fix-xhieda tiegħu. Xi ħaġa li d-difiża ma qablitx magħha fejn qalet li Scicluna nħasad meta Farrugia ppontalu lejh is-senter.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kevin Valletta u Kayleigh Bonett għan-nom tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri waqt li l-Avukat Edward Gatt u Shaun Zammit qed jidhru għall-parte civile.