Lokali Qorti

L-avukati ta’ Shaukat Ali jitolbu referenza kostituzzjonali fuq ordni ta’ ffriżar ta’ €30 miljun

Imħallef fil-Qorti Kriminali se tiddeċiedi l-ġimgħa d-dieħla jekk tirreferix kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali mqajma mir-raġel allegat li jinsab fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-isptarijiet VGH, lil qorti ta’ ġurisdizzjoni kostituzzjonali. Id-difiża għaldaqstant tant qed titlob għal referenza kostituzzjonali fuq ordni ta’ ffriżat ta’ €30 miljun.

Ir-referenza kostituzzjonali ntalbet mill-avukati Shaheryar Ghaznavi u Jessica Formosa f’isem Shaukat Ali Chaudry, il-kumpaniji Mount Everest FZ LLC, Global Assets Holdings Limited, u mart Shaukat, Aasia Parveen Shaukat, f’seduta quddiem l-Imħallef Edwina Grima.

L-imħallef kienet qed tisma’ sottomissjonijiet dwar it-talba tal-Avukat Ġenerali biex l-ordnijiet temporanji ta’ ffriżar u sekwestru diġà maħruġa mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Inkjesta Kriminali, jiġu kkonvertiti f’dawk permanenti.

L-assi tal-koppja kienu tqiegħdu taħt ordni temporanja ta’ Sekwestru u Iffriżar malli tressqu l-qorti. Il-liġi tippermetti lill-Avukat Ġenerali sebat ijiem tax-xogħol wara, li jressaq rikors quddiem il-Qorti Kriminali, fejn jitlob li l-ordni temporanja tinbidel għal waħda permanenti, u dan huwa dak li fil-fatt għamel l-AĠ. L-avukati difensuri qed jargumentaw li l-Att dwar ir-Rikavat tal-Kriminalità ma jikkontempla l-ebda kontestazzjoni ta’ ordnijiet ta’ Qbid u Iffriżar ladarba dawn isiru permanenti.

L-avukat difensur indika l-possibbiltà li Aasia Parveen Shaukat tista’ potenzjalment issofri ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha għall-proprjetà u għal smigħ ġust, u talab lill-Qorti Kriminali biex tirreferi l-kwistjoni lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha.

“Kieku din il-qorti kellha tilqa’ t-talba għal ordni ta’ ffriżar permanenti, m’hemm l-ebda mod li tista’ tikkontestaha,” qal Ghaznavi. “Il-liġi ma tipprevedix il-possibbiltà li tikkontesta ordni permanenti ta’ Qbid u Iffriżar.”

Peress li dan potenzjalment jikser id-dritt għal smigħ ġust, speċjalment il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-armi, flimkien mad-dritt li jgawdi l-proprjetà, l-avukati talbu lill-Qorti Kriminali biex tirreferi l-kwistjoni lil qorti ta’ ġurisdizzjoni kostituzzjonali għal deċiżjoni. Talbu wkoll li jingħata rimedju effettiv jekk jinstab ksur.