Lokali

Robert Abela iżolat ikollu jagħżel mill-klikka tiegħu għax ma jafdax lill-Ministri – PN

Robert Abela tant ma kellux minfejn jagħżel li, kontra dak li talbietu l-President tal-Kummissjoni Ewropea, ma nnominax mara għal dan ir-rwol

Il-PN stqarr li Robert Abela kompla jikkonferma kemm hu iżolat u m’għandux fiduċja fil-Ministri tiegħu stess meta, kontra dak li jiġri dejjem, għażel lil eks Chief of Staff tiegħu għal Kummissarju Ewropew minflok membru tal-Kabinett. Dan għax jaf li, fil-kriżi li għandu, jekk jipprova jagħmel ċaqlieq fil-Kabinett, ikun qed ikompli jkabbar il-ġlied intern li diġà għandu fil-Partit Laburista.

Tant Robert Abela m’għandux fiduċja fil-Ministri tiegħu stess li, kontra x-xewqa tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, ma nnominax mara għal dan ir-rwol, li talbet li jkunu proposti kemm mara u anke raġel. Dan hu ta’ għajb għal dak li jiftaħar li suppost imexxi l-aktar Gvern femminista fl-istorja.

Il-fatt li Robert Abela qal li jispera li Edward Scicluna jitlaq mill-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali iżda ma kellux il-kuraġġ u ma rnexxielux jieħu azzjoni biex ineħħi lil Edward Scicluna minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali hu prova oħra ta’ kemm Robert Abela tilef il-kontroll tat-tmexxija ta’ pajjiżna meta jkollok Gvernatur tal-Bank Ċentrali li jisfida lil kulħadd u jibqa’ f’kariga tant importanti għall-ekonomija Maltija. 

Dan hu episodju ieħor fejn Robert Abela qed ikun sfidat minn dawk li suppost huma niesu stess wara li, ġimgħa ilu rajna episodju fejn żewġ MEPs tal-Partit tiegħu wkoll ma vvutawx skont l-istruzzjonijiet tiegħu fil-Parlament Ewropew dwar il-ħatra ta’ Roberta Metsola bħala President tal-Parlament Ewropew.

Robert Abela tant hu dahru mal-ħajt li kellu jagħmel dawn it-tħabbiriet tant importanti għall-pajjiż waqt attività tal-Partit Laburista minflok waqt konferenza bħala Prim Ministru, kif wieħed jistenna.

Il-poplu Malti u Għawdxi jistenna u jixraqlu ħafna aħjar.