Enerġija Lokali

L-akbar problema tad-distribuzzjoni tal-enerġija f’pajjiżna hu l-Gvern Laburista – PN

Il-PN qal illi issa Robert Abela għandu żewġ skużi ġodda biex iwaħħal fil-kriżi li ġab b’idejh il-Gvern immexxi minnu fis-settur tal-enerġija f’pajjiżna.

Ilbieraħ qal li waħda mill-problemi fid-distribuzzjoni hi minħabba li n-nies qed jixtru aktar karozzi elettriċi. Donnu għamel skoperta. Il-karozzi elettriċi issa ilhom magħna s-snin u kien hemm iż-żmien kollu biex wieħed jippjana għalihom. L-ippjanar u l-investiment ma sarx għax għandna Gvern inkompetenti.

It-tieni skuża ta’ Robert Abela kienet li l-problema fid-distribuzzjoni hi minħabba l-introduzzjoni tax-shore-to-ship – proġett ta’ dan il-Gvern stess. Dan ifisser li l-Gvern tant hu inkompetenti li lanqas kapaċi jippjana għaż-żieda fid-domanda mill-proġett tiegħu stess.

Konvenjentament, Robert Abela jipprova jnessi kontinwament li problema maġġuri fid-distribuzzjoni tal-enerġija hi frott il-politika skaduta li għerret lil pajjiżna u li wasslet biex żdiedet il-popolazzjoni f’pajjiżna, bir-riżultat li tefgħet stress kbir fuq is-sistema eżistenti tad-distribuzzjoni.

Ix-Shadow Minister għall-Enerġija, Ryan Callus, qal illi dan kollu jfisser kelma waħda: inkompetenza. L-unika problema li għandha d-distribuzzjoni tal-enerġija ta’ pajjiżna hu l-Gvern Laburista stess. Pajjiżna għandu bżonn bidla.