Lokali Qorti

Mara mmultata €100 wara li l-kelb tagħha gidem ċiklist

Mara ta’ 41 sena mir-Rabat ġiet immultata €100 wara li nstabet ħatja li ħalliet lill-kelb tagħha maħlul biex spiċċa biex ġidem raġel ieħor. Marica Bonello ġiet mixlija wkoll li naqset milli żżomm il-kelb taħt kontroll u li ħadet il-prekawzjonijiet meħtieġa fosthom li tpoġġi sarima ma’ geddumu minħabba t-temperament tiegħu.

L-inċident imur lura għas-17 ta’ Ottubru 2023, meta r-raġel kien għaddej bir-rota minn Ta’ Koronja fir-Rabat. F’daqqa waħda kelb qabeż minn fuq ċint tat-triq, dritt għal fuqu u gidem liċ-ċiklist. Imbagħad ħarġet mara mir-razzett u poġġiet ‘stick’ fuq il-ferita.

Fl-istess jum, ir-raġel mar għassa tal-pulizija u ppreżenta rapport. Huwa ntbagħat jara tabib u jieħu ċertifikat mediku. Fil-Qorti ħareġ li l-kelb tal-kaċċa abjad b’irqajja’ kannella kien ħebb għaċ-ċiklist xi tliet darbiet qabel l-inċident.

Il-vittma qal lill-Qorti li l-ilqugħ kien baxx biżżejjed biex il-kelb jaqbeż minn fuq iċ-ċint u li kien ilmenta mas-sidien u ħeġġiġhom biex jieħdu ħsieb il-kelb tagħhom. Il-mara kienet qaltlu li l-kelb tagħha qatt ma gidem lil ħadd ħlief lilu.

Il-Qorti wara li kkunsidrat il-ġurisprudenza rilevanti u l-fatti tal-każ, osservat li l-mara kienet konxja tat-temperament tal-kelb tagħha iżda naqset milli tieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa. Ġie osservat li filwaqt li ċ-ċertifikat mediku li jgħid li r-raġel sofra ġrieħi ħfief ma setax jiġi kkunsidrat peress li ma ġiex ippreżentat taħt ġurament, id-difiża naqset milli tikkontesta t-tip ta’ ġrieħi li x-xhud kien ġarrab. Barra minn hekk, ix-xhud kien konsistenti tul il-proċess.

Il-mara nstabet ħatja. Madankollu, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella qalet li mhux se tordna li l-kelb jitraqqad peress li m’għandux jiġi kkastigat għan-nuqqasijiet tas-sidien tiegħu.