Dejan Krstevski ta’ 34 sena u li huwa mill-Maċedonja ma nstabx ħati fuq diversi akkużi b’konotazzjoni ma’ reati sesswali. Il-Maġistrat Gabriella Vella ma sabitux ħati li wettaq avvanzi sesswali fuq it-tfajla u li żammha kontra r-rieda tagħha f’Tas-Sliema.
Wara rapport li kien sar mit-tfajla stess il-prosekuzzjoni spjegat li l-allegat każ seħħ bejn it-2 u t-3 ta’ Ġunju f’kamra f’hostel li jinsab fi Triq Sir Adrian Dingli. It-tfajla allegat li l-akkużat li ngħata sodda fl-istess kamra tagħha, fżħin minnhom daħal fil-kamra, li fiha sitt sodod – u wara li pprova jkellimha, għalaq il-bieb, beda jmiss il-parti privata tiegħu u beda jiċċassa lejha “b’mod stramb”.
Fix-xhieda tagħha t-tfajla qalet li dak il-ħin ċemplet lil ħuha li joqgħod Franza, u kien hawn li Krstevski ħa pass lura u hi rnexxielha toħroġ ‘il barra. L-akkużat dejjem ċaħad din l-akkuża u stqarr li għalih huwa normali li meta jidħol f’kamra jagħlaq il-bieb warajh.
Il-Qorti minn dak li semgħet ikkonkludiet li l-akkużat mhux ħati wara li semgħet il-partijiet. Dan, peress li mix-xhieda rriżultalha li l-akkużat fl-ebda ħin ma pprova jmiss lit-tfajla u li mess il-parti tiegħu minn fuq il-ħwejjeġ għal madwar ħames sekondi biss.
Ġie nnotat ukoll, fost l-oħrajn, li l-akkużat u l-allegata vittma ma setgħux jifhmu jew ifiehmu lil xulxin għax it-tnejn ma jitkellmux bl-Ingliż. Il-Maġistrat qalet ukoll li l-allegata vittma setgħet kienet qed tissuspetta f’kollox għax kienet iddikjarat li ma kinitx kuntenta bil-kamra li ngħatatilha, tant li bdiet tagħmel il-bagalji biex tmur toqgħod band’oħra.
Għall-Qorti dan kien każ għalkollox mibni fuq misunderstanding u miżinterpretazzjoni tal-azzjonijiet tal-akkużat. Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard. L-Avukat Ilona Schembri dehret għall-akkużat.
//= $special ?>