Lokali

Neil Agius se jipprova jikser rekord b’għawma madwar Malta

L-atleta Malti, Neil Agius, ħabbar li se jipprova jerġa’ jikser rekord dinji fl-għawm. Dan hekk kif din id-darba, l-isfida se tkun li jgħum madwar Malta, Għawdex, u Kemmuna – f’rotta li tkopri madwar 160 kilometru.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-klabb tal-Waterpolo ta’ Ta’ Xbiex, Agius spjega li l-isfida se ssir f’Settembru, skont il-kundizzjonijiet tat-temp, u huwa mistenni li l-għawma tieħu madwar tlett ijiem.

Jekk jirnexxi, Agius se jikser ir-rekord li diġà għandu għall-itwal għawma mingħajr waqfien, mingħajr assistenza.

Neil Agius irrikonoxxa l-isfidi tas-sena l-oħra meta kellu jieqaf minn għawma simili fi Spanja minħabba l-ammont kbir ta’ bram fl-ibħra li kien qed jgħum fihom.

Għal din id-darba, it-taħriġ tiegħu kien aktar intensiv minn qatt qabel, u jinkludi sessjonijiet ta’ għawm ta’ 10 sigħat – erba’ darbiet fil-ġimgħa – fl-eqqel tas-sħana tas-sajf Malti.

L-għawma ta’ Neil Agius m’għandiex biss l-għan li tistabbilixxi rekord dinji, iżda wkoll li tqajjem kuxjenza dwar l-istat tal-ambjent marittimu madwar Malta.

L-NGO ta’ Neil Agius, Wave of Change, qed tissieħeb mal-NGO Żibel, li se jkunu qed jikkordinaw tindif tal-kosta madwar il-gżejjer. Dawn l-inizjattivi qed ikunu mmirati biex jinkoraġġixxu l-pubbliku jieħu sehem fit-tindif tal-kosta, b’enfasi fuq ir-riċiklaġġ u l-produzzjoni ta’ prodotti sostenibbli.

Intant…il-preparazzjoni ta’ Neil Agius tinkludi wkoll taħriġ mentali u fiżiku, fejn huwa appoġġjat minn tim ta’ madwar 25 voluntier u professjonist. Dawn jinkludu tobba, osservaturi tal-għawma, navigaturi, skippers, u nutritoinists li se jassiguraw li jibqa’ f’saħħtu matul l-isfida kollha.