Internazzjonali

Pariġi: Nirien iħarbtu n-network tal-ferroviji

“Attakk kbir li pparalizza s-sistema tat-trasport ftit sigħat biss qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ fuq ix-xmara Seine”.

Hekk ġiet deskritta s-sitwazzjoni xejn feliċi li żviluppat il-Ġimgħa, meta n-network tal-ferroviji fil-kapitali Franciza Pariġi spiċċa vittma ta’ diversi atti ta’ vandaliżmu u nirien li tqabbdu apposta sabiex iħarbtu s-servizz – ftit sigħat biss qabel il-ftuħ tal-Olimpijadi. Tant li dan l-impatt fuq il-vjaġġi bil-ferrovija ġab miegħu kaos sħiħ, b’ħafna jispiċċaw maqbuda fi stazzjonijiet varji fi triqithom lejn Pariġi.

Il-Prim Ministru Franċiż iddeskriva dawn in-nirien bħala atti ta’ sabutaġġ li kienu koordinati sew, u preparati minn qabel. Għalkemm hemm esponenti oħra fi Franza illi mhux jeskludu l-id moħbija tar-Russi.

Il-Prim Ministru minn naħa tiegħu wiegħed li s-servizzi tas-sigurta se jagħmlu minn kollox biex isibu min huma l-imħuħ wara dawn l-atti.

Skont cifri ufficjali mahruga fl-aħħar sigħat, jidher li mat-800,000 persuna ġew affetwati minn din is-sitwazzjoni. Bil-kumpanija li topera s-servizz tal-ferrovija tgħid li l-vjaġġi se jibqgħu affetwati tul il-weekend kollu.

Anke l-Eurostar ħabbret li hemm vjaġġi li tħassru, filwaqt li l-konsumaturi hemm ċans kbir li jiġu affetwati minn dewmien fit-traġitt tagħhom lejn Pariġi.