Skont l-awtoritajiet tas-saħħa Palestinjani, attakk Iżraeljan laqat skola f’Gaza bil-konsegwenza li nqatlu 30 persuna, filwaqt li 100 persuna ġarrbu l-ġrieħi.
L-attakk laqtet skola tal-bniet f’Dier al Balah, waħda mill-iżjed żoni popolati b’familji relokati. Ħaddiema tad-difiża ċivili qalu li qed ifittxu l-katavri tal-vittmi, filwaqt li sostnew li l-bini kien qed jintuża bħala xelter u sit mediku.
Rapporti internazzjonali qalu li f’din l-iskola kienu qed jgħixu tal-anqas 4,000 persuna. Dan apparti li 14-il persuna oħra tilfu ħajjithom f’attakki li seħħew matul il-jum tas-Sibt minn Iżrael fuq Khan Younis – żona li tinsab in-naħa t’isfel ta’ Gaza.
Apparti minn hekk, l-awtoritajiet tas-saħħa f’Gaza qalu li mill-bidu tal-gwerra sal-lum inqatlu mad-39,000 Palestinjan.
Intant, ġurnata qabel sar dan l-attakk, il-President Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li se jibgħat delegazzjoni f’Ruma għal taħditiet immirati biex ikun hemm waqfien mill-ġlied f’Gaza iżda ħa l-mira għall-kummenti ta’ Kamala Harris dwar it-“traġedja” f’Gaza.
Il-kummenti ta’ Netanyahu saru l-Ġimgħa waqt żjara fil-proprjetà tal-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump fi Florida, jum biss wara li ddiskuta l-isforzi ta’ waqfien mill-ġlied mal-President Amerikan Joe Biden u l-Viċi President Kamala Harris f’Washington.
L-amministrazzjoni ta’ Biden qalet li l-Iżrael u l-Istati Uniti kienu qed jilħqu konklużjoni dwar il-kwistjoni. Kamal Harris, madankollu, qalet li hija “mhux se żżomm siekta” dwar it-“traġedja” u t-“tbatija” taċ-ċivili ta’ Gaza hekk kif appellat lill-partijiet kollha biex jilħqu ftehim.
Wara l-laqgħa tiegħu ma’ Trump, Netanyahu qal li l-Iżrael mistenni jibgħat negozjaturi għal taħditiet f’Ruma fil-bidu tal-ġimgħa.
It-taħdidiet ta’ Ruma huma l-aħħar minn sensiela ta’ inizjattivi biex tintemm il-gwerra. L-Istati Uniti qed tibgħat lill-kap tas-CIA, Bill Burns, biex jiltaqa’ ma’ rappreżentanti mill-Qatar, l-Eġittu u l-Iżrael.
Dawn it-taħditiet huma skedati li jibdew il-Ħadd, u mistennija jiddiskutu ftehim biex jintemmu l-ostilitajiet u jirritornaw ostaġġi li għadhom miżmuma f’Gaza.
//= $special ?>