Internazzjonali

Franza: Tkompli t-tfittxija għall-persuni responsabbli

Il-kumpanija tal-ferrovji fi Franza SNCF wissiet li t-tfixkil mis-sabotaġġ tal-Ġimgħa kontra n-network tal-ferroviji tal-pajjiż jista’ jdum sa tmiem il-ġimgħa u se taffettwa mijiet ta’ eluf ta’ passiġġieri oħra.

L-attakki kkoordinati ta’ ħruq fuq tliet linji tan-network tal-ferroviji kkawżaw kaos għall-vjaġġaturi, sigħat qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi ta’ Pariġi. Ir-raba’ attakk ġie mwaqqaf minn ħaddiema tal-ferroviji.

Kawża ta’ dawn l-attakki, madwar kwart tal-ferroviji internazzjonali tal-Eurostar tħassru wkoll, bil-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer fost dawk milquta. Eurostar qalet li qed tistenna li numru  ta’ servizzi fi tmiem il-ġimgħa se jiġu kkanċellati, filwaqt li l-ferroviji kollha se jaffaċċjaw dewmien ta’ madwar siegħa u nofs.

Il-Ministru tat-Trasport ta’ Franza Patrice Vergriete qal li madwar 250,000 persuna ġew affettwati nhar il-Ġimgħa, filwaqt li sa 800,000 persuna jistgħu jaffaċċjaw dewmien u kanċellazzjonijiet sa nhar it-Tnejn.

Il-Prim Ministru Franċiz Gabriel Attal iddeskriva l-attakki bħala “atti ta’ sabotaġġ”, filwaqt li sostna li s-servizzi tal-intelliġenza ta’ Franza ġew mobilizzati biex isibu lil dawk li wettqu l-attakki.