Lokali Saħħa

“Il-catheters li għandna mhumiex ta’ l-aqwa kwalità” – il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela

Il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela spiċċa jammetti li l-catheters li qed jintużaw preżentament mhumiex tal-aqwa kwalità kif ukoll għal darba oħra reġa’ ikkonferma li l-magna tas-Cyclotron mhix tintuża.

Dawn huma wħud mill-affarijiet li ammetta Jo Etienne Abela f’intervista li kellu s-Sibt filgħodu mal-Professur Andrew Azzopardu fuq ir-radju RTK.

Dwar il-catheters, Abela stqarr li ltaqa mas-suppliers f’Mejju, u li minkejja li hawn catheters f’Malta, hu qal li mhumiex tal-aqwa kwalità, filwaqt li ammetta li anke l-pazjenti jgħidu li mhumiex ta’ kwalità tajba.

Imbagħad Andrew Azzopardi staqsa fuq il-magna Cyclotron fejn stqarr li sar “serq” fuq din il-magna, li ilha tissemma għal dawn l-aħħar 3 snin iżda għadha mhux qed tintuża.

Bi’ tweġiba għal Andrew Azzopardi, l-Ministru Abela sostna li ma jħossux komdu jitkellem fuqha minħabba li hemm proċeduri għaddejjin fil-Qorti, li indirettament wriet li għad baqa żmien twil sakemm din il-magna tiffunzjona.

Il-proġett Cyclotron, proġett ta’ riċerka b’rabta mal-kura tal-kanċer li suppost kellu jkun qed jaħdem fil-Life Sciences Park, huwa marbut direttament mal-Iskandlu tal-Vitals hekk kif hemm madwar €7 miljun mit-taxxi tal-poplu li ngħataw lill-kumpanija Mtrace b’rabta ma’ dan il-proġett – miljuni li ħadd ma jaf x’sar minnhom.

Intant, dwar is-settur tas-saħħa, Jo Etienne Abela ammetta li jridu jinvolvu s-settur privat biex jgħinuhom minkejja li sostna li m’hemmx krizi. Dan meta numru ta’ persuni kif ukoll professjonisti tkellmu dwar in-nuqqas ta’ spazju li hemm fl-Isptar Mater Dei bin-nies qed idumu sigħat twal jistennew sabiex jinqdew kaġun tal-isplużjoni fil-popolazzjoni.

Għaldaqstant matul din l-intervista, il-Ministru tas-Saħħa kompli jsostni li f’Malta m’hawnx l-aqwa sistemi tas-saħħa li verament ħaqqhom il-Maltin, u li għad hemm ħafna xi jsir – konferma li Gvern Laburista ma nvestiex biżejjed f’dan is-settur.