“Il-Gvern jeħtieġ li jieħu azzjoni immedjata sabiex jgħolli l-istandard tat-turiżmu f’pajjiżna kif ukoll jeħtieġ li jindirizza n-numru ta’ problemi li qed jaffaċċja pajjiżna.”
Dan ħareġ fi stqarrija mill-MHRA fejn fiha għalkemm irrikonoxxew iż-żieda ta’ turisti fl-aħħar snin appellaw għal azzjoni immedjata bil-għan li f’pajjiżna jkollna turiżmu sostenibbli.
L-MHRA sostniet li l-Gvern immexxi minn Robert Abela jeħtieġ li jipprijoritizza investiment li jsebbaħ lill-pajjiż bil-għan li nipproteġu r-reputazzjoni ta’ Malta.
Fl-istqarrija l-MHRA semmiet in-numru ta’ problemi li hawn preżentament f’pajjiżna fosthom toroq maħmuġin, il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku, traffiku f’kull ħin tal-ġurnata kif ukoll id-dewmien esaġerat fi proġetti infrastrutturali.
Apparti minn hekk, l-istqarrija semmiet ukoll il-problema ta’ kontaminazzjoni fl-ibħra tagħna – xi ħaġa li anke l-Partit Nazzjonalista tkellem fuqha. Iżda sa din il-ġimgħa stess Robert Abela qal li mhuwiex minnu li qed jintrema d-drenaġġ fil-baħar.
Għaldaqstant, fl-istqarrija l-MHRA qalet li l-Gvern għandu jiffoka li jattira nies li se jtejbu l-produttività f’pajjiżna. Dan apparti li saħqu li jekk dawn il-problemi ma jkunux indirizzati minnufih dawn kapaċi jikkawżaw riperkussjonijiet kbar fuq is-settur tat-turiżmu.
//= $special ?>