Ingħata bidu għal sensiela ta’ kunċerti u avvenimenti biex jitfakkar il-25 anniversarju mill-Għaxaq Music Festival. Fil-ground ta’ Ħal Għaxaq, eluf attendew għall-kunċert Raggae minn Julian Marley & The Uprising, l-artist li din is-sena rebaħ il-Grammy Awards għall-aħjar album Raggae f’kollaborazzjoni ma’ Antaeus, l-album li jġib l-isem ta’ ‘Colors of Royal’.
F’sagħtejn ta’ festa ta’ ritmu Raggae li jinżel tajjeb f’lejla sajfija Mediterranja, Julian Marley & The Uprising ta diversi siltiet mir-ripertorju vast tiegħu li inkluda diversi siltiet tajba fosthom ‘Colling in Jamaika’, ‘Build Together’, u ma naqsux bosta siltiet mill-album kurrenti ‘Colors of Royal’.
F’din il-lejla maġika b’ħoss tajjeb u artistrija mid-disa’ elementi fuq il-palk, stennija kbira kienet ukoll għall-kanzunetti u s-suċċessi ta’ Bob Marley & The Wailers. Fost dawn, Julian u sħabu taw interpretazzjonijiet brillanti ta’ ‘Bend Down Low’, ‘Jamming’, ‘Exodus’, u ‘One Love’, il-verżjoni ta’ The Wailers li tħalliet għall-aħħar.
Qabel Julian Marley & The Uprising kien hemm il-band lokali Fakawi, filwaqt li DJ MyKill żamm dawk preżenti fl-atmosfera bil-mużika li daqq. Illejla ntemmet ma’ JJoy.
Julian Marley
Stennija għal Ronan Keating
L-appuntament li jmis huwa għal-lum is-Sibt fl-istess post b’Ronan Keating, dak li darba kien parti mill-boyband Irlandiż Boyzone, se jagħtina wħud mill-aqwa siltiet mir-ripertorju tal-era ta’ Boyzone, kif ukoll suċċessi ta’ karriera solista, fosthom il-verżjoni ta’ ‘If Tomorrow Never Comes’, ‘Breathe’ u ‘Life Is a Rollercoaster’.
Qabel Ronan Keating se jkun hemm il-kantant Malti ta’ fama internazzjonali Shaun Farrugia. DJ Pierre Cordina flimkien ma’ Leuellen se jkomplu jżidu l-entużjażmu proprju qabel Ronan Keating u l-band titla’ fuq l-istage. Fit-tmiem, DJ Sue se ddoqq għal dawk li se jibqgħu jieħdu pjaċir f’lejla oħra ta’ sajf Malti f’Ħal Għaxaq.