Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa l-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna tpoġġew taħt att ta’ akkuża b’rabta mad-deal frawdolenti li sar ma’ Vitals u Steward il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard ħarġet għonqa għal Fearne hekk kif iddikjarat li m’għandha l-ebda dubju fl-integrità tiegħu.
Dan wara li anke numru ta’ Ministri kif ukoll esponenti tal-Partit Laburista komplew joħorġu għonqhom għal Chris Fearne.
Waqt diskussjoni li saret is-Sibt filgħodu fuq il-Programm Andrew Azzopardi on RTK103 hija saħansitra qalet li l-persuni li jinsabu akkużati li jinkludu eks Prim Ministru, eks Ministri kif ukoll numru ta’ persuni li qed jokkupaw karigi għoljin fil-Gvern servew lill-pajjiżna tajjeb ħafna f’deal li wassal għal serqa ta’ €400 miljun minn but il-poplu.
Apparti minn hekk, hija fl-ebda ħin ma wieġbet jekk Edward Scicluna għandux iwarrab mill-kariga tiegħu dan hekk kif issa għandna konferma li se jkun qed jgħaddi ġuri iżda minflok qalet li t-triq ‘il quddiem għandha tkun bħalma m’għamel Chris Fearne ċioe li rreżenja minn Deputat Prim Ministru.
Iżda s’issa Chris Fearne żamm postu fil-Grupp Parlamentari Laburista.
Preżenti għal din id-diskussjoni kien hemm ukoll ix-Shadow Minister Mark Anthony Sammut li qal li Gvern Laburista huwa mitluf fil-ġlied intern tant li mhuwiex qed jaħdem għall-ġid tal-poplu.
Dan apparti li qal li Robert Abela qed ikompli jkabbar id-dejn ta’ pajjiżna u kien hawnhekk fejn fakkar li pajjiżna spiċċa f’excessive defecit procedure bil-President tal-Partit Laburista qalet li dan mhuwiex minnu.
Intant, din il-ġimgħa stess il-Kunsill Ewropew adotta d-deċiżjoni li tat il-Kummissjoni Ewropea u għalhekk Malta flimkien ma 7 pajjiżi oħra fl-Ewropa jridu jsegwu din il-proċedura.
//= $special ?>