Lokali

“Taħt Robert Abela l-Ministri jistgħu jagħmlu li jridu” – PN

Taħt Robert Abela l-Ministri jistgħu jagħmlu li jridu; saħansitra jimpjegaw lin-nisa, l-irġiel u l-partners tagħhom

L-aħħar deċiżjoni mogħtija mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika tfisser li taħt Robert Abela l-Ministri tal-Gvern Laburista jistgħu u qegħdin jagħmlu li jridu. Il-Ministri tal-Gvern Laburista issa ngħataw il-barka sabiex bejniethom ikunu jistgħu jimpjegaw u jagħtu konsulenzi lin-nisa, l-irġiel u l-partners tagħhom.

Dan huwa l-qofol tad-deċiżjoni li ta l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika wara lment ippreżentat mill-Professur Arnold Cassola. Bl-iskuża patetika li l-liġijiet ta’ pajjiżna u l-Kodiċi ta’ Etika ma jgħidu xejn dwar l-impjieg tan-nisa, l-irġiel u l-partners tal-Ministri, il-Gvern Laburista ngħata l-barka biex ikompli jaqa’ aktar fil-baxx.

Għall-Partit Nazzjonalista huwa minn ewl id-dinja li n-nisa, l-irġiel u l-partners tal-Ministri, huma ta’ liema Gvern huma, m’għandhomx jingħataw impjiegi jew konsulenzi li f’għajnejn u f’moħħ kulħadd ikunu ngħataw lilhom biss minħabba r-relazzjoni tagħhom ma’ Ministri tal-Gvern.

In-nisa, l-irġiel u l-partners tal-Ministri m’għandhomx jingħataw vantaġġi u privileġġi li ma ħaqqhomx. Huwa biss abbażi ta’ meritkorazija u wara proċess pubbliku li persuni li huma relatati ma’ Ministri tal-Gvern għandhom jingħataw impjiegi jew konsulenzi mal-Gvern.

Mir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jirriżulta li huwa ma wettaq ebda investigazzjoni, m’għamel ebda tfittxija għall-verità u ebda analiżi tal-informazzjoni. Il-Kummissarju straħ biss fuq l-ittri li bagħtulu erba’ Ministri tal-Gvern Laburista u fuq qari superfiċjali għall-aħħar tal-liġijiet ta’ pajjiżna u tal-Kodiċi ta’ Etika. Għalhekk id-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika hija waħda irresponsabbli u tkompli tikkonferma kemm l-Oppożizzjoni kellha raġun fil-pożizzjoni li ħadet li l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi ma kellu qatt ikun Kummissarju għall-Istandards.

Bid-deċiżjonijiet li qiegħed jieħu l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi qiegħed ikompli jirrendi l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika bħala istituzzjoni kważi inutli u li qed isservi biex tapprova l-abbuż ta’ poter tal-Ministri tal-Gvern Laburista.

Dan intqal mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina.