F’ċerimonja li saret is-Sibt fil-parroċċa tas-Siġġiewi, ngħatat l-aħħar tislima liż-żagħżugħa Mirabelle Falzon, li tilfet ħajjitha fid-19 ta’ Lulju fl-etá ta’ 22 sena wara li waqgħet blata fuqha meta kienet qeda fil-limiti tal-bajja ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn.
Il-qraba u l-ħbieb ta’ Mirabelle ingħaqdu sabiex jagħtuha l-aħħar tislima f’dak li sejħu bħala ċelebrazzjoni ta’ ħajjitha – ħajja li minkejja kienet qasira, kienet mimlija b’mumenti sbieħ.
Fl-omelija tiegħu, Fr Martin Micallef sostna li ħadd ma jista jemmen kif Mirabelle ittieħdet minn din id-dinja daqshekk malajr, filwaqt li qal li f’sitwazzjonijiet bħal dawn allaħares ma jkunx hemm il-fidi, hekk kif il-Mulej qiegħed fost kull wieħed u waħda minn dawk li kienu preżenti biex itihom il-kuraġġ.
Kompla jgħid li kulħadd għandu jiftakar lil Mirabelle bħala tfajla b’qalb tajba, li dejjem kienet ta’ spalla għal min kellu bżonn, u li dejjem kont taraha b’tbissima fuq wiċċha. Is-sbuħija tagħha kienet tispikka bil-mod kif kienet tħobb lill-ħaddieħor.
Fl-aħħar tal-omelija, Fr Micallef għamel appell b’saħħtu lill-awtoritajiet, biex jekk xi ħadd jiġbed l-attenzjoni fuq xi periklu, huma għandhom jieħduhom bis-serjeta’, filwaqt li jieħdu azzjoni b’mod immedjat, u mhux jistennew lil xi ħadd imut qabel isir xi ħaġa.
//= $special ?>