Ġuvni ta’ 16-il sena sofra ġrieħi serji wara li daħal f’sit ta’ kostruzzjoni u waqa’ madwar żewġ sulari, f’San Ġiljan.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-23:30, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Ball.
Il-Pulizija marret fil-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li l-vitma kien daħal f’sit taħt kostruzzjoni u waqa’ madwar żewġ sulari.
Tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili assistew lill-ġuvni u wara ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza.
Aktar tard, huwa kien iċċertifikat bi ġrieħi serji.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.