Lokali

Hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet fl-interess tal-poplu

“Il-fatt li ħadd ma ddikjara li żżejjed kien kollu żejjed, kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Maġistrat ikkonkluda li hemm biżżejjed evidenza sabiex Chris Fearne u Edward Scicluna jitpoġġew taħt akkuża”

Kliem l-editorjal tat-Times of Malta, fid-dawl tal-fatt li l-Erbgħa li għadda, il-Maġistrat Leonard Caruana poġġa lill-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna taħt att ta’ akkuża.

Bl-editorjal jispjega li d-digriet m’għandux iservi biss biex dawk f’pożizzjoni għolja jirrealiżaw x’qed jiġri madwarhom, imma għandu jservi wkoll bħala punt tat-tluq sabiex jiġi żgurat li s-Saltna tad-Dritt taħdem b’mod effiċjenti. Id-digriet tal-Qorti jinnota li Fearne u Scicluna ma oġġezzonawx għal deċiżjonijiet tal-kabinett li ppermettew il-ftehim tat-tliet sptarijiet.

Intant, fl-editorjal ħareġ kif il-Maġistrat innota li Fearne u Scicluna ma għażlux li jwarrbu u minkejja li huma kienu mgħarrfa bl-allegati nuqqasijiet – huma xorta vvutaw għal diversi memoranda li kienu sottomessi mill-kabinett. Fejn, flimkien mas-Segretarji Permanenti tagħhom, huma taw l-awtorizzazzjoni sabiex isiru pagamenti lill-konċessjonarji.

Osservazzjoni oħra li saret fid-digriet tal-Qorti kienet li sabiex seħħet din il-konċessjoni, kellu jkun hemm dik “xibka ta’ appoġġ” għall-korruzzjoni.

L-editorjal spjega wkoll kif il-governanza t-tajba, l-integrità tal-istituzzjonijiet u l-fiduċja pubblika qed jiġu affettwati ħażin, dan meta dawk li qegħdin f’pożizzjonijiet li jieħdu deċiżjonijiet importanti, jonqsu milli jagħmlu dak li l-pubbliku jistenna minnhom.

Huwa għalhekk li l-kabinett tal-Ministri għandhom iżommu f’moħħhom li mhux qegħdin hemm sabiex iservu l-kostitwenti tagħhom, jew biex jirbħu l-elezzjoni, imma biex fl-aħħar mill-aħħar iservu lill-poplu u juru diżaprovazzjoni u jivvotaw kontra proposti inaċċetabbli tal-kabinett.

Kien hawn li l-editur spjega li fid-dawl ta’ dan kollu jista’ jfisser aġenziji indipendenti li jkunu għassa, tisħiħ ta’ seroveljanza parlamentari, liġi li tipproteġi bis-sħiħ lill-whistleblowers, li tiddefinixxi d-dmirijiet tal-uffiċjali pubbliċi, dan filwaqt li ttejjeb it-trasparenza billi r-raġunijiet wara d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Gvern ikunu pubbliċi b’pieni serji għal dawk li jfallu milli jaqdu dmirhom.