Il-Korea ta’ Fuq komunista għadha sal-lum tinsisti li rebħet il-Gwerra Koreana tas-snin ħamsin (1950-53) minkejja li l-kunflitt kien intemm b’armistizju. Din is-sitwazzjoni tfisser li l-Korea komunista u l-Korea t’Isfel għadhom sal-lum teknikament fi stat ta’ gwerra peress li l-konklużjoni tal-ostilitjiet saret possibbli biss b’dik il-forma ta’ armistizju u mhux bi ftehim għall-paċi.
Kien bejn is-27 u t-28 ta’ Lulju tal-1953 li l-Korea ta’ Fuq iffirmat il-ftehim għall-armistizju mal-Istati Uniti (alleata tal-Korea t’Isfel) u ċ-Ċina – u bil-kanuni jaqgħu siekta wara tliet snin ta’ battalji fil-penisola Koreana.
Sadanittant, il-Korea ta’ Fuq u partikularment il-Mexxej Korean komunista Kim Jong-un, ilhom is-snin jgħidu li l-Gwerra Koreana kienet intemmet ‘b’rebħa glorjuża’ għall-qawwiet komunisti. U din il-versjoni ma nbidlet qatt (fost il-komunisti) minkejja li l-evidenza – u l-istorja – qed jgħidu mod ieħor.
Fl-aħħar sigħat, Kim Jong-un kien qed jieħu sehem f’attivitajiet biex ifakkru l-71 sena mill-armistizju u fejn fost oħrajn, żar ċimiterju fil-limiti ta’ Pyongyang biex isellem lill-veterani tal-Armata u l-militar ta’ pajjiżu li tilfu ħajjithom fil-battalji tas-snin ħamsin.
Min-naħa tiegħu, il-poplu fil-Korea ta’ Fuq qed ikompli jirrepeti l-versjoni tal-gwerra skont ir-reġim fi Pyongyang u fejn qed jgħid anki llum li ‘l-Istati Uniti kienet bdiet din il-gwerra li rriżultat f’suċċess militari kbir għall-Koreani komunisti’.
Iżda l-esperti tal-istorja ftit għandhom dubbju li l-Gwerra Koreana kienet dovuta ‘mija-fil-mija’ għall-aggressjoni ta’ Kim Il Sung, il-fundatur u l-ewwel Mexxej Suprem tal-Korea ta’ Fuq… aggressjoni li kompliet tirrepeti ruħha tul is-snin ta’ wara, fost il-bidliet fit-Tmexxija ta’ Pyongyang li ilha għal għexieren ta’ snin ikkontrollata kollha kemm hi mid-dinastija ta’ Kim.
Sadanittant, Kim Jong-un qal li issa hu determinat biex ikompli l-missjoni tal-ġenerazzjonijiet l-oħrajn ta’ familtu…..’ Il-missjoni taħseb fl-iżvilupp ta’ pajjiż meqjus bħala ġenna tal-art għall-poplu tiegħu u li jibbaża fuq l-ideoloġija (komunista) tal-ġenerazzjonijiet preċedenti li aċċertaw mit-trijonf storiku matul il-Gwerra Koreana’.
Il-Korea ta’ Fuq dejjem kellha relazzjoni soda u mill-qrib maċ-Ċina u Kim Jong-un, sigħat ilu, anki żar il-monument magħruf bħala t-‘Torri tal-Ħbiberija’… monument li nbena biex jonora lis-suldati tal-Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu Ċiniż li, fis-snin ħamsin kienu ġġieldu fuq in-naħa tal-Koreani komunisti.
//= $special ?>