Lokali

Il-kriżi fil-Labour: “Sabu widnejn torox”

L-elettorat qed ikun affaċjat minn widnejn torox.

Hekk iddikjara l-esponent Laburista, u eks editur tal-Orizzont Frans Ghirxi meta l-Ħadd wassal l-opinjoni tieghu fil-gazzetta It-Torca. B’Ghirxi juża r-rubrika li jikteb ta’ kull ġimgħa sabiex iwassal messaġġ dirett lit-tmexxija tal-Labour, fejn tkellem l-aktar fuq il-ħtieġa li d-Deputat Mexxej il-ġdid tal-PL għall-Affarijiet tal-Partit ikun tassew iffukat fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-istruttura u l-organizzazjoni tal-Labour.

L-eks editur tal-Orizzont jitkellem ukoll dwar dik li sejħilha, il-ferneżija ta’ qabel l-elezzjoni għall-voti. Għaliex fi kliemu stess, jekk il-Gvern jaħdem is-sena kollha, allura mhemmx bżonn li tinħoloq din is-sitwazzjoni. Għalkemm imbgħad – ikompli jikteb Ghirxi – kważi kollox itir mar-riħ l-għada tal-elezzjoni.

Frans Ghirxi stieden ukoll lil-Labour biex jara kemm hemm nies li ma ħallsux it-tessera, u kemm hemm partitarji li bagħtu t-tessera lura.

Intant, id-dati tal-Konferenza Ġenerali li fiha se jsiru l-elezzjonijiet għall-karigi ta’ Deputati Mexxejja u ħatriet oħra fl-amministrazzjoni tal-Partit Laburista…huma bejn it-13 u l-15 ta’ Settembru. Sa dak iż-żmien, u allura għal sajf sħiħ, Robert Abela ħalla l-pajjiż mingħajr Deputat Prim Ministru. Dan filwaqt li Chris Fearne għadu xorta parti mill-Grupp Parlamentari Laburista.

Nies fil-qalba tal-Labour bħal Jason Micallef, Manuel Cuschieri, Neville Gafà u oħrajn ilhom ġimgħat sħaħ jappellaw għall-bidla wara r-riżultat elettorali diżappuntanti. Ħafna partitarji wkoll iridu bidla fid-direzzjoni, għalkemm Robert Abela – sa dawn il-jiem stess – baqa’ juża tattika negattiva ta’ attakki; l-istess tattika li waslitu biex tilef siġġu fil-Parlament Ewropew u biex tilef maġġoranzi li kellu f’numru ta’ Kunsilli Lokali.