“Is-sejħa għall-azzjoni hija ċara”.
Dan kien is-sentiment li esprima ċ-Chairperson tal-Malta Producers Association, Charlie Cauchi, f’kummenti li ta lil The Malta Independent meta kien qed jiddiskuti l-industrija tal-flms f’pajjiżna li għandha bżonn ta’ pjan sostenibbli.
Cauchi saħaq li jeħtieġ li jkun hemm pjan li jindirizza n-nuqqas ta’ finanzjament lejn il-produzzjonijiet awdjoviżwali lokali, hekk kif dawn il-produtturi qed ikunu stmati bħala insinifikanti. Għalhekk, kompla jsostni Cauchi, hemm bżonn ta’ bażi soda biex il-qasam awdjoviżiv ta’ Malta jkun jista’ jirnexxi u jiffjorixxi bħala pilastru tal-kultura u l-ekonomija nazzjonali.
Fost oħrajn, Cauchi tenna li meta jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet importanti li jikkonċernaw lill-produtturi lokali, l-esperti f’dan is-settur għandhom jiġu kkonsultati. Dan hekk kif ħafna drabi bosta producers lokali ma kellhomx aċċess għal fondi sostenibbli biex ikunu jistgħu jaħdmu f’dan is-settur.
Barra minn hekk, kompla jispjega Cauchi, bosta kienu dawk li wrew it-tħassib tagħhom dwar żbillanċ bejn dawk li jaħdmu fis-settur films u dawk li jaħdmu fi produzzjonijiet lokali, b’dawn tal-aħħar iħossuhom li mhumiex apprezzati biżżejjed.
Il-President tal-Malta Producers Association sostna wkoll li l-industrija tal-films għandha tiffokka fuq soluzzjonijiet sostenibbli li jsarrfu f’riżultati long-term u mhux short-term.
Dan fid-dawl tal-kritika li rċieva l-Kummissarju tal-Films Johann Grech wara li sar magħruf li film qasir ta’ 10 minuti li hu stess kien il-protagonist fih, sewa €500,000.
Eżempju ċar ta’ kif il-fondi allokati għall-industrija tal-films jistgħu jitqassmu b’mod aktar ugwali u sostenibbli mal-producers lokali.
Prova oħra ta’ kemm il-producers lokali mhux qed ikunu stamti huwa l-fatt li l-producer lokali Abigail Mallia spiċċat kellha titlaq minn pajjiżna u tmur l-Istati Uniti għax ħasset li diġà għamlet dak kollu li possibbilment setgħet tagħmel f’Malta.
Mallia kienet qalet ukoll li m’għadhiex tara futur f’Malta, dan għax hija evidenti li t-trattament li jirċievu l-producers internazzjonali huwa ferm differenti minn dak li jirċievu l-producers lokali li jinsabu mdejqa bl-istat li fih tinsab l-industrija tal-films fil-preżent.
Cauchi, temm jgħid li l-Malta Producers Association se tkompli taħdem biex l-industrija tal-films tkun waħda sostenibbli u għalhekk mill-ġdid sostna li l-awtoritajiet relevanti għandhom jiddiskuti mal-esperti f’dan is-settur biex il-ħaddiema lokali jħossuhom apprezzati u jkollhom il-fondi li tant għandhom bżonn biex ikunu jistgħu jaħdmu f’dan is-settur.