Internazzjonali

L-Elezzjoni fil-Veneżwela:  Sfida serja għal Maduro li qal se jirbaħ ‘bis-sewwa jew bid-dnewwa’

Nicolas Maduro

Il-poplu fil-Veneżwela qed jivvota f’elezzjoni meqjusa bħala l-akbar sfida għall-Partit Soċjalista PSUV fil-Gvern u l-President Nicolás Maduro li ilu s-snin imexxi pajjiżu bil-ponn tal-ħadid.

Il-Partit PSUV ilu fil-Gvern għal 25 years u Maduro – li ilu fil-poter minn wara l-mewt, fl-2013, tal-President Hugo Chavez – qed jikkuntesta għat-tielet mandat ta’ poter konsekuttiv. L-isfidant kbir tiegħu hu Edmundo González, eks membru tal-korp diplomatiku li għandu l-appoġġ ta’ koalizzjoni magħmula minn diversi partiti.

L-aħħar elezzjoni  mirbuħa minn Maduro saret fl-2018 u fejn ma naqsux l-akkużi li l-proċess ma rriflettiex tassew ir-rieda tal-poplu. U anki din id-darba hemm inkwiet kbir dwar il-potenzjal ta’ manipulazzjoni tal-voti f’sitwazzjoni fejn ir-riżultat ma jkunx daqstant favorevoli għall-President u ċ-ċirku ta’ politiċi Soċjalisti f’Karakas.

Dan ukoll wara li Maduro informa diġà lis-sostenituri tiegħu li r-rebħa se tkun tiegħu ‘bis-sewwa jew bid-dnewwa’… kumment li qanqal inkwiet mhux ħażin avolja l-President, fl-aħħar sigħat, ipprova jibdel kliemu bl-insistenza li ‘r-riżultati tal-elezzjoni għandom ikunu rispettati.’

Fil-Veneżwela, bħalissa, hemm biss erba’ osservaturi indipendenti tal-elezzjoni man-Nazzjonijiet Uniti flimkien ma’ xi uffiċjali mal-Organizzazzjoni Carter Center impenjata biex tavvanza d-demokrazija f’numru ta’ pajjiżi. Intant, il-Kap tal-Awtorità Elettorali tal-Veneżwela, li hu alleat kbir ta’ Maduro, kien irtira l-invit għall-preżenza tal-osservaturi tal-Unjoni Ewropea waqt l-elezzjoni.