Futbol Sport

Raphael Varane jiffirma kuntratt ta’ sentejn ma’ Como

(Ritratt: EPA)

It-tim neopromoss Como mmexxi mill-eks midfielder ta’ Arsenal, Barcelona u Chelsea, Cesc Fabregas, kompla l-attività fis-suq tat-transiferimenti b’akkwist kbir ieħor, din id-darba bl-akkwist tad-difensur leġġendarju Raphael Varane.

Varane huwa wieħed mill-iktar plejers li rebaħ unuri fil-karriera, minkejja li għad għandu 31 sena.

Huwa iffirma ma’ Como hekk kif skadielu l-kuntratt ma’ Manchester United u kien hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet li l-kuntratt ma jiġiex estiż. Varane iffirma kuntratt ta’ sentejn ma’ Como, bl-għażla li jestendi sena oħra.

Matul il-karriera glorjuża tiegħu, Varane kien parti fundamentali minn żewġ timijiet li ddominaw il-futbol, meta fix-xena internazzjonali huwa kien parti kruċjali mid-difiża Franċiża li rebħet it-Tazza tad-Dinja fl-2018, filwaqt li mill-2011 sal-2021 huwa għamel parti mid-difiża ta’ Real Madrid. Perjodu fejn il-Madristas iddominaw il-futbol Ewropew, fejn f’dawk l-għaxar snin Varane rebaħ 3 La Ligas, 4 UEFA Champions Leagues, 3 UEFA Super Cups u 4 FIFA Club World Cups.

Huwa rebaħ ukoll l-FA Cup ma’ Manchester United fl-2024, Il-UEFA Nations League ma’ Franza fl-2021, kif ukoll Il-Copa del Rey fl-2014 u s-Sueprcopa de Espana fuq tliet okkażjonijiet.

Dan is-suq tat-transferimenti huwa wieħed eċċitanti għal Como li telgħu mis-Serie B l-istaġun li għadda permezz tal-Play-offs. F’dan is-suq tat-transferimenti huma ffirmaw numru ta’ stillel ta’ fama’ mondjali fosthom Pepe Reina, eks goalkeeper ta’ Liverpool, Bayern Munich, Lazio u Villareal; Alberto Moreno, eks difensur ta’ Liverpool u Villareal; Andrea Bellotti, eks attakkant ta’ Torino u Roma u rebbieħ tal-EURO 2020; kif ukoll ħafna plejers promitenti fosthom Matthias Braunoder, Ben Lhassine Kone, Ali Jasim u Gabriel Strefezza.