Internazzjonali

Libanu: Inkwiet li l-kunflitt ta’ Iżrael mal-Ħeżbollah jeskala sa livell inkontrollabbli

Il-qawwiet Iżraeljani wettqu l-ewwel fost sensiela ta’ attakki ta’ ritaljazzjoni fuq il-milizji Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu – u meta kibret il-possibbiltà ta’ gwerra totali bejn Iżrael u l-milizji li qed jingħataw appoġġ sħiħ mir-reġim tal-Iran.

Filwaqt li l-Iżraeljani u l-Ħeżbollah ilhom ix-xhur iwettqu l-azzjonijiet militari kontra xulxin min-naħat opposti tal-fruntiera, Iżrael qed jhedded li l-milizji ta’ Sheik Hassan Nasrallah iridu jħallsu ‘prezz terribbli’ għall-aħħar azzjonijiet terroristiċi kontra ċ-ċivili tiegħu.

Dam wara li l-missili tal-Ħeżbollah, nhar is-Sibt, laqtu zona fejn kien hemm grawnd tal-futbol u bil-konsegwenza li nqatlu tal-anqas 12-il tfal u żgħażagħ. L-attakk seħħ fuq il-belt ta’ Majdal Shams, fl-Għoljiet tal-Golan okkupati minn Iżrael. Il-maġġoranza tar-residenti f’din il-belt huma Drużi u l-kelliema għall-Ħeżbollah qed jiċħdu li kellhom il-ħsieb speċifiku li jimmiraw għat-tfal fl-inħawi.

Sadanittant, il-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani wettqu diversi attakki mill-ajru fuq tal-anqas seba’ miri militari tal-Ħeżbollah qrib il-qalba tal-Libanu – bl-ammont tal-vittmi ma jkunx irrappurtat.

Fl-istess ħin, l-osservaturi fil-Lvant Nofsani qed jinkwetaw dejjem aktar dwar il-potenzjal ta’ gwerra qalila ‘u fuq livell li qatt ma rajna bħala’ bejn il-qawwiet Iżraeljani u l-Ħeżbollah… Moviment li, l-istess bħall-Iran, hu impenjat għall-qerda ta’ Iżrael.

Fil-fatt, il-Ħeżbollah żied l-azzjonijiet kontra l-ibliet u villaġġi ta’ Iżrael li huma eqreb il-Libanu mindu l-Iżraeljani, fis-7 ta’ Ottubru, bdew l-offensiva kbira kontra t-terroristi tal-Ħamas f’Gaza… offensiva li segwiet il-massakri storiċi tal-familji u ċivili oħra mill-ġellieda tal-Ħamas li, fl-istess jum, kienu infiltraw għall-artijiet tal-Iżraeljani.

Intant, fl-aħħar sigħat, eluf ta’ nies attendew il-funerali tat-tfal u ż-żgħażagħ li nqatlu mill-missili tal-Ħeżbollah waqt li huma kienu qed jilagħbu l-futbol. Fl-istess ħin, il-Ministeru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin ħareġ l-identitajiet ta’ għaxra fost it-tfal maqtula li kellhom bejn 10 snin u 15-il sena.

It-tensjoni fir-reġjun issa qed tinħass sew mir-residenti ta’ Iżrael u l-Libanu, bl-Iran – li jipprovdi l-armamenti u s-sostenn politiku lill-Ħeżbollah – iwissi dwar ‘konsegwenzi imprevedibbli’, f’sitwazzjoni fejn l-Iżraeljani jwettqu mewġa ta’ attakki kontinwi fuq il-milizji Xiti Lebaniżi.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, wissa lill-Ħeżbollah li jridu ‘jsofru għall-qtil ta’ persuni innoċenti’ – bis-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, isostni li ‘hemm kull indikazzjoni’ li l-Ħeżbollah sparaw tassew il-missili li laqtu liz-zoni ċivili fl-Għoljiet tal-Golan. Blinken enfasizza d-dritt ta’ Iżrael li jiddefendi liċ-ċittadini tiegħu, iżda tenna wkoll li l-Istati Uniti, akkost ta’ kollox, ma tridx li jeskala l-kunflitt tal-Iżraeljani mal-Ħeżbollah.