Enerġija Lokali

Tasal il-powerstation li se titħaddem bid-diesel

Il-powerstation li  se swiet lil Maltin u l-Għawdxin €37 miljun, u li taħdem bid-diesel, waslet din il-ġimgħa fil-Port Ħieles f’Birżebbuġa.

L-għan ta’ din il-powerstation kellu jkun biex jiġu evitati  siegħat twal bla provista tal-elettriku f’każ li jkun hemm xi ħsarat fid-distribuzzjoni tal-enerġija. Iżda l-impjant se jkun qed jinxtgħel f’nofs Awwissu – wara li l-pajjiż diġa’ esperjenza jiem konsekuttivi bi qtugħ tad-dawl.

Fil-fatt, f’dawn l-aħħar ġimgħatejn bosta lokalitajiet esperjenzaw qtugħ fil-provvista tad-dawl, tant li l-Enemata kellha tpoġġi numru ta’ generators fit-toroq; liema generators ħolqu inkonvenjent għar-residenti tal-madwar,

Issa, din il-powerstation temporanja li tlaħħaq is-60-megawatt se tkun qed tinżamm fuq standy-by f’każ ta’ bżonn. Dan sakemm issir it-tieni interconnector – proġett li ukoll tħalla fuq l-ixkaffa mill-Gvern ta’ Abela.

Anke s-sena li għaddiet bosta persuni kienu spiċċaw bla dawl għal jiem sħaħ fl-eqqel tas-sajf, hekk kif il-provista tal-elettriku ma bdietx tlaħħaq mad-domanda kaġun tal-ispluzzjoni fil-popolazzjoni. Dan apparti li l-Gvern nesa kompletament dan is-settur; qasam li kien mifni b’ħafna kontroversji u skandli.

Fl-aħħar jiem, l-NAO ikkonferma li l-Enemalta ma għamlitx l-investiment li kellha tagħmel u sab li l-investiment li sar fl-2023 kien inqas mill-investiment li sar fl-2014.

Dwar il-kriżi fis-settur tal-enerġija il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jsir investiment ta’ miljuni fid-distribuzzjoni tal-enerġija b’mod immedjat sabiex il-pajjiż ma jibqax jistenna 6 snin bħalma jrid jagħmel il-Gvern. Dan filwaqt illi mar għal impjant temporanju li se jitħaddem bid-diesel.