Lokali

Xjenza Malta ġiet imnedija uffiċjalment bħala l-entità suċċessur tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST)

Fl-1 ta’ Lulju 2024, Xjenza Malta ġiet imnedija uffiċjalment bħala l-entità suċċessur tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST)

Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, Silvio Scerri, spjega kif dan il-pass kien ħafna aktar minn sempliċiment bidla fl-isem:

It-twaqqif ta’ din l-Aġenzija tal-Gvern, ġiet motivata mill-ħtieġa importanti li jkun hemm fis-seħħ struttura istituzzjonali li hija aktar b’saħħitha biex tmexxi ’l quddiem l-aġenda tar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Dan jinkludi l-amalgamazzjoni tal-kontribut għall-elementi ta’ riċerka xjentifika madwar il-pajjiż kollu li kienet tagħmel il-Fondazzjoni, mal-amministrazzjoni operattiva taċ-Ċentru Nazzjonali Interattiv tax-Xjenza, Esplora, li huwa tant kruċjali għall-interazzjoni mas-soċjetà kollha Maltija, liema Ċentru kien qed jitmexxa minn Aġenzija b’possibbiltajiet u skopijiet limitati.

Għalhekk, minn issa ’l quddiem, Xjenza Malta se tgħaqqad taħt il-kappa tagħha l-attivitajiet kollha relatati mar-Riċerka u l-Innovazzjoni, inklużi l-Iżvilupp u l-Implimentazzjoni tal-Politika, Programmi ta’ Finanzjament u kwistjonijiet relatati mal-Ispazju, kif ukoll it-tmexxija ta’ kuljum u t-titjib tas-servizzi tal-Esplora. B’hekk se jkun hemm ċaqlieqa u twessigħ istituzzjonali u ċentralità tat-tfassil tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika, tiżdied u tikkonċentra ruħha iktar l-attenzjoni dovuta li din il-politika tant bżonnjuża fi ħdan in-narrattiva makroekonomika tal-pajjiż, u permezz tal-Esplora, tkompli tittejjeb l-interazzjoni pubblika annwali ma’ eluf ta’ nies, li permezz tagħha jitwasslu x-xjenza u t-tagħlim tagħha b’mod popolari u pjaċevoli lil kulħadd.

Dan l-iżvilupp kbir ma seħħx b’kumbinazzjoni, hekk kif Scerri sostna li meta ħa f’idejħ l-irwol ta’ Kap Eżekuttiv fi ħdan l-MCST, tmintax-il xahar ilu, hu ra mill-ewwel li l-istruttura amministrattiva u legali kienet pjuttost laxka u fqira, u l-MCST bħala Fondazzjoni ma kinitx biżżejjed. Minkejja dawn in-nuqqasijiet, tenna li sal-lum sar xogħol tajjeb ħafna, iżda li l-fraġilità tal-istruttura li kien hemm tista’ tkun fattur li joħnoq u jxekkel il-pjanijiet ambizzjużi futuri li għandna għal dan is-settur.

L-istruttura formali tal-Aġenzija tfisser li se jkollha personalità ġuridika distinta, kapaċi li tiffirma kuntratti, takkwista, żżomm u tiddisponi minn proprjetà għall-finijiet tal-funzjonijiet tagħha, u dispożizzjonijiet oħra li joħorġu minn din it-tranżizzjoni għal Aġenzija tal-Gvern, b’dak kollu li tinvolvi.

Dan se jagħti lil Xjenza Malta libertà ta’ operat, ovvjament fil-parametri legali u operattivi tagħha, li se sservi bħala spinta kbira lis-setturi tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Ispazju f’Malta, u se tagħtiha id aktar ħielsa fl-iżvilupp u t-titjib tal-Esplora, kemm bħala prodott kummerċjali kif ukoll bħala servizz edukattiv lill-poplu.

Bi tħejjija għal dawn ir-responsabbilitajiet miżjuda u mkabbra, l-istrutturi amministrattivi u tekniċi ġew imsaħħa matul dawn l-aħħar xhur. Dawn l-isforzi ġew rikonoxxuti uffiċjalment, u laħqu l-qofol tagħhom, fil-kisba sinifikanti li għamilna meta ngħataw il-‘Premju għall-Aħjar Prattika fil-Governanza Tajba’ minn fost l-entitajiet pubbliċi kollha.

Dan ġie aġġudikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) wara eżerċizzju estensiv ta’ verifika u awditjar li sar fuq diversi kampjuni każwali tal-amministrazzjoni tagħhom ta’ fondi pubbliċi. L-NAO kkonkluda li l-proċessi u d-dokumenti vverifikati mhux biss kienu kompletament konformi mal-prinċipji ta’ governanza tajba, li juru responsabbilità u trasparenza fl-amministrazzjoni, iżda li huma eżempju ta’ ‘l-Aħjar Prattika’ (Best Practice) fl-amministrazzjoni u l-governanza ta’ flus il-poplu. Dan jawgura tajjeb ħafna għall-ħidma tal-Aġenzija, u l-etika tax-xogħol li għandhom l-istaff tagħna hija l-assi ewlieni li se jġorru magħhom ’il quddiem fil-futur.

Dan iċ-ċertifikat ta’ kompetenza u eċċellenza, mogħti mill-NAO, huwa prova biżżejjed tas-suċċess tal-ħidma fondamentali apposta li saret f’dawn l-aħħar xhur bħala tħejjija għall-espansjoni ppjanata tal-firxa ta’ servizzi li qed joffru lill-pubbliku u lill-komunità xjentifika.

Xjenza Malta ser tkun il-fergħa tal-Gvern għall-iżvilupp u l-ipprogrammar tal-politika nazzjonali tar-riċerka u tal-ispazju, b’mandat b’saħħtu u ċar biex taħdem fuq tkabbir kontinwu u f’diversifikazzjoni tal-portafoll ta’ responsabbilitajiet tagħha, inkluż il-finanzjament, tant importanti u meħtieġ, tar-riċerka.

Il-programmi ta’ finanzjament tar-riċerka FUSION ta’ Xjenza Malta bħalissa joffru seba’ skemi uniċi mmirati lejn l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi permezz ta’ allokazzjoni ta’ fondi li żdiedet b’mod kostanti minn €3.5 miljun fl-2021, għal €5 miljun fl-2024.

Xjenza Malta se tkun qed timbotta biex tintlaħaq il-mira tal-Gvern li jintlaħaq budget annwali ta’ €8.2 miljun fis-sena għall-FUSION sa tmiem il-perjodu leġiżlattiv attwali fl-2027, skont kif imwiegħed fil-programm elettorali.

Din iż-żieda fil-finanzjament se tkun akkumpanjata minn diversifikazzjoni tas-servizzi tagħhom, primarjament permezz ta’ sforz iktar intensiv fuq l-isforzi ta’ internazzjonalizzazzjoni tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I).

Matul dawn l-aħħar xhur, daħhlu fis-seħħ diversi ftehimiet kollaborattivi ġodda, notevolment mal-Emirati Għarab Magħquda (UAE) u ma’ Spanja, b’aktar ftehimiet bħal dawn f’fażi ta’ preparazzjoni, bħal skema ġdida ta’ mobilità maċ-ċentru magħruf Taljan, Centro Nazionale della Ricerca (CNR).

Xjenza Malta rduppjat ukoll il-finanzjament tagħha għall-programm ta’ maċ-Ċina (Sino-Malta R&I Programme), u għall-programm ta’ finanzjament konġunt mal-Kunsill tar-Riċerka tat-Turkija (Tubitak). Ittriplikat ukoll il-parteċipazzjoni tagħha f’azzjonijiet konġunti u ta’ evalwazzjoni ta’ proġetti ppjanati, permezz tal-Inizjattiva ta’ Programmazzjoni Konġunta dwar l-Oċeani (JPI Oceans).

Horizon Europe – il-programm ta’ qafas tal-Unjoni Ewropea għall-R&I – joffri wkoll numru kbir ta’ opportunitajiet, u b’sodisfazzjon ħabbru li bl-għajnuna u l-gwida li offrew lill-akkademiċi u lill-entitajiet pubbliċi u privati fis-settur, il-parteċipazzjoni f’sejħiet kollaborattivi ttejbu.

Bħalissa qed jikkoordinaw il-parteċipazzjoni ta’ Malta fi tliet sħubijiet ta’ ko-finanzjamanet – it-Transforming Healthcare Systems Partnership (THCS) fil-qasam tas-saħħa, il-Clean Energy Technologies Partnership (CETP) fil-qasam tal-enerġija nadifa u s-Sustainable Blue Economy Partnership (SBEP) fil-qasam tal-ekonomija marbuta mal-baħar. Qegħdin jistinkaw, u jinsabu ħerqana, biex tiżdied il-parteċipazzjoni ta’ Malta fi sħubiji ta’ ko-finanzjament ġodda fl-oqsma tas-saħħa mentali u tal-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali.

Il-mandat legali l-ġdid ta’ Xjenza Malta mistenni jsaħħaħ ukoll l-organizzazzjoni fil-qasam tal-politika tal-Ispazju, billi stabbilixxa lil din l-Aġenzija bħala l-korp ta’ kollegament istituzzjonali mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), u wassal biex Malta ssieħbet fil-Pjan Koperattiv għall-istati Ewropej (PECS).

Dan kien possibbli anki permezz ta’ investiment annwali ta’ €1.5 miljun fuq perjodu ta’ ħames snin, li qatt qabel ma kien hemm bħalu, għal sejħiet ta’ finanzjament kompetittivi għall-entitajiet Maltin.

Xjenza Malta se tniedi u tmexxi eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika għal qafas legali ġdid għall-attivitajiet Spazjali.

Dawn l-iżviluppi kollha jenfasizzaw il-fatt li l-pass li għamlu s’issa huwa ‘qabża ta’ ġgant’ għas-setturi tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Ispazju f’Malta.

Dawn il-kisbiet kollha ma sarux f’iżolament, maqtugħin minn sforzi oħra, jew f’xi ambjent elitista li ma għandu ebda kuntatt man-nies. Ikkumplimentaw investimenti f’attivitajiet mill-iktar avvanzati fis-settur xjentifiku, fit-tagħlim tal-hekk imsejħa suġġetti STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika).

L-interazzjoni pubblika mal-livelli kollha tas-soċjetà tagħna, għall-Maltin u l-Għawdxin ta’ kull sfond u livell akkademiku, u ta’ kull età – minn tfal żgħar sa anzjani – hija kkoordinata u eżegwita minn Esplora, iċ-ċentru nazzjonali interattiv tax-xjenza fil-Kalkara, li tilqa’ aktar minn 200,000 ruħ fis-sena.

Bħala Aġenzija tal-Gvern bir-responsabbilità għat-tmexxija tagħha, Xjenza Malta issa se jkollha possibbiltajiet kbar biex dak li qed jiġi offrut bħalissa l-Esplora, jittella’ f’livelli ogħla u ġodda, u b’hekk jagħmilha aktar minn qatt qabel żjara obbligata kemm għall-Maltin, kif ukoll għall-barranin li jżuru pajjiżna.

Huma qalu li dawn l-aħħar tmintax-il xahar kienu mhux biss eċitanti, imma wkoll produttivi u ħallew frott. Issa qed jsitennew bil-ħerqa li nimxu ‘l quddiem b’ritmi mgħaġġla u nsaħħu l-preżenza teknika, finanzjarja u ta’ appoġġ tagħhom fil-qasam billi nużaw ir-riżorsi kollha li issa ngawdu għall-benefiċċju tas-setturi tal-Innovazzjoni, tar-Riċerka u tal-Ispazju.

Se jkomplu jżidu l-investiment tagħhom fin-numru, it-tip u, fuq kollox, il-kwalità ta’ wirjiet u esibiti li n-nies draw u tgħallmu jgawdu u japprezzaw l-Esplora.

Huma sostnew li l-futur jidher sabiħ għall-ispettru xjentifiku kollu, iktar u iktar permezz tal-kontribut tagħhom biex jassiguraw li verament jgħixu l-isem il-ġdid tagħhom – Xjenza Malta – bħala s-sidien b’responsabbilità għall-affarijiet kollha relatati max-xjenza f’pajjiżna.