Lokali

Alfred Mifsud jistaqsi: Kemm hi f’waqtha d-deċiżjoni ta’ Edward Scicluna li jżomm postu bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali?

L-Eks Chairman tal-bank Mid-Med, Alfred Mifsud, staqsa jekk id-deċiżjoni ta’ Edward Scicluna li “jżomm postu” bħala gvernatur tal-bank ċentrali taqdix l-aħjar interessi tal-organizzazzjoni. Mifsud kien favorit biex isir gvernatur fl-2016, iżda irtira mit-tellieqa wara li ffaċċja allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Huwa rriżenja mill-kariga tiegħu ta’ deputat gvernatur fl-2017, tliet snin qabel ma jiskadi l-mandat tiegħu, dan meta Scicluna kien għadu ministru tal-finanzi. B’differenza għal Scicluna, Mifsud qatt ma ġie mixli, u s-sena li għaddiet rebaħ kawża ta’ libell wara li Qorti sabet li l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, ibbażati fuq xhieda tal-eks mara tiegħu, kienu malafamanti.

Ikkuntattjat mill-gazzetta Times of Malta, Mifsud, li jmexxi l-uffiċċju tal-arbitru finanzjarju, ma qagħadx jomgħod kliemu dwar is-sitwazzjoni ta’ Scicluna: “Il-mistoqsija mhix x’jgħidu r-regoli. Il-mistoqsija hi x’jaqdi l-aħjar għall-interess tal-organizzazzjoni: li tibqa’ mwaħħal fil-pożizzjoni, jew titlaq u tiġġieled il-każ mingħajr ma tagħmel ħsara lill-organizzazzjoni,” qal Mifsud.

Scicluna qed jiffaċċja pressjoni dejjem akbar biex jirriżenja minn gvernatur, wara li l-ġimgħa li għaddiet Qorti ddeċidiet li se jiffaċċja ġuri fuq akkużi ta’ frodi marbuta mal-iskandlu tal-isptarijiet.

L-Eks Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li qed jiffaċċja akkużi simili, irriżenja minn Deputat Prim Ministru f’Mejju. Scicluna tneħħa mill-gvern mill-bord tal-gvernaturi tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji nhar il-Ġimgħa.

Times of Malta diġá rrappurtat il-Ħadd li l-gvern qed jippjana li jneħħi lil Scicluna mill-ogħla rwol tiegħu fil-Bank Ċentrali din il-ġimgħa, jekk jibqa’ jirrifjuta li jirriżenja. Il-Prim Ministru Robert Abela qal nhar il-Ħamis li l-futur ta’ Scicluna se jiġi diskuss fil-kabinett nhar it-Tlieta li ġejjin.

Gvernatur ta’ bank ċentrali jista’ jiġi meħlus mid-dmirijiet tiegħu jekk jinstab ħati ta’ kondotta ħażina jew jekk ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu. Sors ta’ esperjenza kbira fl-industrija bankarja rrimarka mat-Times li r-rwol ta ‘gvernatur jitlob l-ogħla standards ta’ integrità f’kull ħin, lil hinn mill-iċken dell ta ‘dubju jew suspett.

Is-sors qal li kieku l-kabinett kellu jagħti parir li Scicluna m’għadux tajjeb biex jaqdi dmirijietu, probabbilment ikun diffiċli għalih, jew għall-Bank Ċentrali Ewropew, li jikkontestah. Scicluna qal lit-Times of Malta l-ġimgħa li għaddiet li l-pożizzjoni tiegħu baqgħet ma nbidlitx wara d-deċiżjoni tal-Qorti:

“Se nirrispetta t-trattati tal-UE. Aħna (il-Bank Ċentrali) aħna istituzzjoni indipendenti. Għandna r-regoli tagħna stess,” huwa qal. Maħtur fl-1 ta’ Jannar 2021, il-mandat ta’ ħames snin ta’ Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali jinkludi wkoll sħubija fil-kunsill governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).