Lokali Qorti

Erba’ snin u ħames xhur ħabs fuq sensiela ta’ serq

Sirjan ġie kkundannat erba’ snin u ħames xhur ħabs mill-Qorti Kriminali wara li ammetta li flimkien ma’ tliet persuni oħra, wettaq sensiela ta’ serq matul din is-sena. Mohamed Mohamed Ali kien akkużat b’involviment fis-serq ta’ Porsche Cayenne mill-Mellieħa, ta’ pjanċi tar-reġistrazzjoni ta’ Mazda Demio mill-Marsa, u ta’ flus minn supermarket f’Wied il-Għajn.

Huwa ammetta wkoll l-involviment tiegħu f’attentat ta’ serq minn ħanut tad-deheb f’Ħal Qormi u minn ħanut tal-kompjuters f’Birkirkara, kif ukoll li kellu l-cannabis u ttraffikaha. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u d-difiża qablu ma’ piena ta’ erba’ snin u ħames xhur ħabs u multa ta’ €5,000, bl-Imħallef Neville Camilleri jilqa’ dan il-ftehim u jikkundanna lil Ali għall-imsemmija piena.

Il-ħati kien mixli li flimkien ma’ tliet persuni oħra kellu akkużi, relatati ma’ attentat ta’ hold ups f’ġojjelliera f’Santa Venera, u spiżerija f’Ħal Qormi fil-21 ta’ April, kif ukoll attentat ieħor ta’ hold up f’ħanut tal-elettronika f’Birkirkara l-għada. L-irġiel kienu akkużati wkoll b’konfoffa biex jisirqu l-ħanut tal-ġojjellerija.

L-Ispettur Lydon Zammit mexxa l-prosekuzzjoni.