Il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni fi Franza, fl-aħħar sigħat, spiċċaw mira għal azzjonijiet ta’ vandaliżmu – bl-awtoritjiet qed jiffaċċjaw problema delikata, jiem biss wara li n-network tal-ferroviji fil-pajjiż kien ġarrab mewġa ta’ azzjonijiet ta’ sabutaġġ.
Il-vandali, matul il-lejl tal-Ħadd, wettqu l-ħsarat lill-istallazzjonijiet tal-kumpaniji SFR, Free u Bouygues – fost sensiela ta’ inċidenti fid-dipartimenti amministrattivi ta’ Hérault, Bouches-du-Rhône, Oise, Meuse, Drôme u Aude. Il-kumpanija Free innutat li l-faċilitajiet tagħha f’Marne u Vaucluse wkoll kienu spiċċaw mira għall-vandali.
Ir-rapporti referew, fost oħrajn, għall-qtugħ fil-fibre optic network b’effett għal-linji telefoniċi – inklużi l-land-lines u s-servizzi tat-telefons ċellulari.
L-inċidenti anki qed iqajmu t-tħassib peress li Franza, bħalissa, qed tospita l-Olimpjadi li jsiru darba f’kull erba’ snin – iżda ma hemm xejn li jindika relazzjoni speċifika bejn il-logħob u l-azzjonijiet inkwistjoni.
Hu minnu wkoll li l-Olimpjadi ma spiċċawx affettwati mill-inċidenti, bl-ebda individwu jew grupp ma jassumu r-responsabbiltà għall-vandaliżmu.
Marina Ferrari, bħala s-Segretarju tal-Istat Franċiż għall-Affarijiet Diġitali, qalet li l-awtoritajiet u l-operaturi taħt is-superviżjoni tagħha kienu qed jistinkaw biex jirrestawraw is-servizzi mill-aktar fis possibbli. Ferrari, fl-istess ħin, irriservat l-aktar kundanna qawwija ‘għal dawn l-azzjonijiet kodardi u rresponsabbli’. “
Intant, wieħed irid jara wkoll jekk l-azzjonijiet li seħħew s’issa setgħux kienu parti minn strateġija ta’ vandaliżmu koordinata.
Dan meta l-Pulizija Franċiża, fl-aħħar sigħat, arrestat raġel li qed jgħin fl-investigazzjonijiet tagħha wara s-sabutaġġ fuq in-network tal-ferrovija SNCF – u meta hemm l-indikazzjonijiet qawwija li l-azzjonijiet fuq il-ferroviji twettqu minn grupp ta’ estremisti tax-xellug.
Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gérald Darmanin, spjega li r-raġel arrestat iħaddan l-ideoloġiji estremisti u li l-awtoritajiet anki identifikaw il-profili ta’ diversi nies suspetti b’konnessjoni mal-attakki.
Madankollu, Darmanin ħeġġeġ biex ħadd ma jasal għall-konklużjonijiet mgħaġġlin dwar il-veru skop wara l-attakki u meta l-awtoritjaiet iridu jsiru jafu jekk ir-raġel arrestat ‘u l-kompliċi’ kinux qed jaġixxu waħedhom inkella setgħux kienu ‘immanipulati minn ħaddieħor’.
//= $special ?>