Anzjan ta’ 76 sena mir-Rabat ġie illiberat bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien sena wara li nstab ħati li ta fastidju lill-ġirien b’taħbit mal-ħajt bil-lejl. Kienu koppja u anzjana ġara li għamlu rapport mal-Pulizija dwar l-anzjan.
Il-Pulizija bdiet l-investigazzjonijiet tagħha fil-każ u bagħtet għal Carmel Decelis fejn dan allega li l-koppja kienet qed tqabbad il-washing machine bil-lejl. Il-koppja ċaħdet din l-allegazzjoni. Decelis tressaq il-Qorti u kien mixli li fl-1 ta’ April 2022, u fil-ġranet u xhur ta’ qabel, ta fastidju lill-ġirien.
Fil-Qorti l-anzjana qalet li l-akkużat kien ilu jippersegwitaha għal madwar tmien snin. Qalet li kien iħabbtilha bil-lejl mal-ħajt. Anke l-carer li tieħu ħsiebha xehdet li l-anzjan kien iħabbat mal-ħajt bil-lejl u kkonfermat dak li qalet l-anzjana.
Il-koppja wkoll xehdet li l-akkużat kien iħabbat mal-ħajt bil-lejl. Il-Maġistrat Monica Vella sabet lill-anzjan ħati u illiberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena. Hija rabtitu wkoll b’garanzija ta’ €2,000 biex ma jdejjaqx lill-koppja.
//= $special ?>