Lokali

Hija gidba li s-sistema shore-to-ship twassal għal qtugħ tad-dawl

Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, waqqa’ kompletament dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif spjega li s-sistema tax-shore-to-ship mhijiex waħda mill-fatturi li qed twassal għal qtugħ fil-provista tal-elettriku.

Dan ġie żvelat meta Xuereb kien mistoqsi mill-ġurnal Times of Malta, fejn spjega li din is-sistema tintuża minn vapur wieħed biss, għal seba’ sigħat – darba fil-ġimgħa.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port qal li s-sistema tintuża bejn id-9:00 ta’ filgħodu u l-4:00 ta’ waranofsinhar; li jfisser li din il-provista tal-elettriku għall-bastimenti qed issir f’ħinijiet fejn normalment ma kienx qed ikun rappurtat qtugħ tad-dawl.

Is-sistema shore-to-ship bdiet titħaddem proprju fl-10 ta’ Lulju li għadda.

Il-ġimgħa li għaddiet kien hemm qtugħ tad-dawl f’numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex però ma kien hemm l-ebda qtugħ fl-inħawi tal-Marsa u l-Valletta Cruise Port.

Apparti minn hekk, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port spjega wkoll li s-sistema shore-to-ship għandha linja diretta man-network ta’ pajjiżna – fatt li kien konfermat ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Ryan Fava.

L-Inġinier Fava spjega fit-Times li s-sistema shore-to-ship kienet ddisinjata bil-ħsieb li jekk ikun hemm żieda fid-domanda tal-elettriku… ix-shore-to-ship titwaqqaf sabiex l-ewwel tintlaħaq id-domanda għar-residenzi.

Dan ifisser li d-dawl mhux qed jinqata’ kaġun ta’ dan il-proġett, kif prova jagħti x’jifhem il-Prim Ministru.

Aktar kmieni dan ix-xahar, ir-rapport li ġie ppubblikat mill-Awditur Ġenerali żvela kif is-sena li għaddiet il-Gvern ta’ Robert Abela nefaq anqas flus fid-distribuzzjoni ta’ pajjiżna mill-aħħar għaxar snin li għaddew – konferma ta’ nuqqas ta’ investiment fis-settur tal-enerġija, tant li spiċċa kellu jikri power station temporanja li titħaddem bid-diesel u li preżentament għadha qed tiġi installata.