Lokali

Ħtieġa ta’ tkabbir ekonomiku bbażat fuq pjan serju anke fid-distribuzzjoni tal-elettriku – PN

“Ridt li niltaqa’ mal-membri tal-MCESD għax nagħraf l-importanza ta’ kull  wieħed u waħda minnkom, kif ukoll il-membri tagħkom. Is-suċċess ta’ pajjiżna jistrieħ fuqkom ukoll.”

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista meta mexxa delegazzjoni tal-Partit f’laqgħa ma’ membri tal-MCESD.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-MCESD għandu l-polz ta’ pajjiżna b’mod dirett u immedjat għax ikun jaf x’ġara, għaliex ġara, x’qed jiġri u x’hemm bżonn li jsir biex pajjiżna jsaħħaħ il-kompettitvità tiegħu, filwaqt li jiżdied l-investiment lokali u barrani u jinħolqu aktar impjiegi mħallsa tajba b’dinjità għall-ħaddiema.

Tenna li lkoll nafu li, biex dan isir, pajjiżna jeħtieġ li jkollu infrastruttura tajba, ikun kredibbli u kapaċi jantiċipa l-isfidi tal-ġejjieni b’azzjonijiet li jibdew jittieħdu mil-lum stess.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-ħaddiema u n-negozju qed isofru minn kriżijiet li setgħu  jkunu evitati u kellhom ikunu evitati. Hu għalhekk li, għall-Partit Nazzjonalista, mhux aċċettabbli li ma jkunx hawn l-istabbiltà tas-servizzi bażiċi u essenzjali, bħat-toroq, l-elettriku, is-servizzi tas-saħħa u l-bajjiet nodfa mingħajr drenaġġ.

Il-Partit Nazzjonalista jrid infrastruttura li tgħin fit-tkabbir tal-ekonomija b’mod sostenibbli u anke valur miżjud. Iżda dan ifisser li rridu għażla wiesgħa ta’ impjiegi, fejn kull persuna ssib impjieg imħallas tajjeb, ikunu xi jkunu l-ħiliet tagħha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li l-Partit immexxi minnu jrid li pajjiżna jkollu servizzi tas-saħħa fejn tinqeda b’mod effiċjenti u fejn id-dewmien jispiċċa. Għax is-saħħa tgħin biex kull persuna tilħaq il-potenzjal tiegħu jew tagħha, filwaqt li tkun produttiva.

Il-politika tal-Partit Nazzjonalista trid tkun waħda pro-attiva, li tassigura stabbiltà, poplu b’saħħtu, tkabbir ekonomiku, titjib soċjali, avvanz edukattiv fejn jiżdied il-ħsieb kritiku u poplu b’aktar ħiliet.

Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-politika ekonomika, finanzjarja u soċjali twassal biex il-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja tajba, fejn int tieħu gost fejn tgħix, tkun fiżikament u mentalment b’saħħtek u tippjana għall-futur.

Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista jrid li pajjiżna jitmexxa bi pjan u b’mod maħsub. Il-kriżijiet qed iġibu lill-Gvern dahru mal-ħajt u għalhekk, ir-reazzjoni tkun waħda mingħajr ħsieb.

Bħala eżempji semma’ kif filli l-Gvern jgħid li għandna bżonn li nżidu l-karozzi elettriċi u filli jgħid li l-karozzi elettriċi qed joħolqu problemi u qed jikkawżaw il-qtugħ tad-dawl;, filli jgħid li x-ship ta’ shore se tgħin il-kompettività u filli jgħid li din hi problema; filli jgħid li m’għandux jintuża diesel biex jipproduċi l-elettriku u filli qed iġib generators li jaħdmu bid-diesel.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif l-MCESD hu mtaqqal b’membru – il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali – li għadu jisfida għax ma jridx jirriżenja. Qal li min jemmen fl-istituzzjonijiet li jmexxi u f’pajjiżna, jagħraf li r-riżenja tiegħu kellha tkun immedjata.

Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista offra lill-Gvern li jagħtu sehmu biex, b’mod unanimu, fil-Parlament jitwassal messaġġ b’saħħtu li dan il-pajjiż jixraqlu aħjar. Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista hu kompatt u magħqud li Edward Scicluna kellu jirreżenja mill-kariga tiegħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li, bħalma l-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom ikunu vuċi waħda, anke entitajiet oħrajn bħall-MCESD għandhom ikunu parti mill-vuċijiet li jaqblu li Edward Scicluna għandu jirriżenja. Għall-kredibbiltà, pajjiżna jeħtieġ li jkun immexxi minn persuni serji.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Viċi Kap Alex Perici Calascione, kif ukoll mix-Shadow Ministers Ivan Castillo, Ryan Callus, Mario de Marco, Beppe Fenech Adami, Rebekah Borg, Jerome Caruana Cilia, Graham Bencini, Alex Borg u Robert Cutajar.